Melita teħel multa ta' €10,000 talli ma waqqfitx servizzi mitluba mill-klijenti

Melita ġiet misjuba ħatja mill-MCA li ma ħaditx azzjoni meta numru ta' klijenti riedu jwaqqfu s-servizz

Il-Malta Communications Authority (MCA) illum imponiet multa amministrattiva lil Melita. F'ħames ċirkostanzi, l-MCA kellha rapporti dwar Melita li ma kinitx qed timxi skont l-obbligi tal-liġi meta ma waqqfitx servizzi li ġew mitluba minn numru ta' klijenti tagħha li riedu jwaqqfu s-servizz, mal-linja rikjesta.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li diġà kien hemm sanzjoni imposta fuq Melita f'Lulju li għadda wara li kien hemm ilment minn klijent fuq l-istess ħaġa. L-MCA jiddispjaċiha li kellha tieħu din l-azzjoni wara li baqgħu deħlin ilmenti minn diversi klijenti tal-Melita.

L-ilmenti indikaw li għalkemm dawn il-klijenti infurmaw lil Melita 30 ġurnata qabel bl-intenzjoni li jwaqqfu s-servizz, dawn ma twaqqfulhomx is-servizzi u komplew jirċievu l-kontijiet anke wara li għaddew it-30 ġurnata ta' notifika.

F'dawn il-każi, kien biss wara li l-MCA ġabet dawn l-ilmenti għall-attenzjoni tal-Melita li ħadet l-azzjoni u talbet li l-kontijiet tal-klijenti jiġu irranġati.

Konsegwentament, mal-linja legali, l-MCA qed timponi din l-multa amministrattiva u wissiet lil Melita li se tkun qed tara mill-viċin is-sitwazzjoni biex tiżgura li l-proċeduri qed jiġu applikati.

Sadattant il-membri tal-pubbliku li qed jiltaqgħu ma' diffikultajiet bħal dawn waqt li qed jistennew li jitterminaw is-servizz, jistgħu jikuntattjaw l-awtorità fuq 21336840 jew billi jibagħtu email fuq  [email protected]

 

More in Kummer?jali