Interess qawwi fl-ewwel proġett ta’ enerġija rinnovabbli offshore f'Malta

L-interess qawwi li ġġenera dal-proġett u l-importanza strateġika tiegħu wasslu biex il-perjodu għas-sottomissjonijiet jiġi estiż sal-21 ta' Lulju, 2025

Il-proġett ħa jinvolvi turbina tar-riħ fuq il-baħar; is-settur privat huwa mistieden juri l-interess tiegħu għall-parteċipazzjoni (Ritratt: Interconnect Malta)
Il-proġett ħa jinvolvi turbina tar-riħ fuq il-baħar; is-settur privat huwa mistieden juri l-interess tiegħu għall-parteċipazzjoni (Ritratt: Interconnect Malta)

L-ewwel proġett ta’ enerġija rinnovabbli offshore f’Malta qajjem interess qawwi mis-suq, hekk kif il-Kwestjonarju ta’ Kwalifikazzjoni Preliminari (PQQ) attira bosta kumpaniji u operaturi ekonomiċi li wrew ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fil-proġett.

Il-proġett jinvolvi l-bini ta' turbina tar-riħ fuq il-baħar. Il-kumpaniji interessati ġejjin minn operaturi minn bosta industriji.

Minħabba dan il-livell għoli ta’ interess u flimkien miegħu t-talbiet għal estensjoni biex min hu interessat ikun jista' jipparteċipa, Interconnect Malta (ICM) ħabbret estensjoni għas-sottomissjoni tal-interess.

Il-perjodu il-ġdid għas-sottomissjonijiet issa miftuħ sal-21 ta’ Lulju, 2025.

Raġunijiet għall-estensjoni

L-ICM, bħala l-amministratur tal-proċess, iddeċidiet li testendi ż-żmien wara laqgħat u talbiet għal kjarifika minn operaturi interessati.

Inġ. Christian Spiteri, manager fi ħdan l-ICM, spjega li diversi kumpaniji talbu għal żmien addizzjonali biex jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tagħhom, kemm bħala entitajiet indipendenti kif ukoll f’sħubiji jew kollaborazzjonijiet usa’.

"Fid-dawl ta’ dan, u minħabba d-daqs u l-importanza strateġika tal-proġett, l-Awtorità Kuntrattwali ddeċidiet li testendi d-data ta’ għeluq għas-sottomissjonijiet," qal Spiteri.

Il-proċess li jmiss

Fl-istess waqt, l-Awtorità Kuntrattwali qed tkompli taħdem mill-qrib ma’ awtoritajiet u entitajiet relevanti biex tiddefinixxi l-passi li jmiss fil-proġett.

Dan jinkludi l-istabbiliment tal-Heads of Terms għall-kuntratti ewlenin, li se jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-konċessjonarju. Dawn l-elementi huma essenzjali biex:

  • Il-kandidati magħżula jifhmu l-aspetti tekniċi u finanzjarji tal-proġett;
  • Jiġi żviluppat djalogu strutturat, meqjus bħala pass kruċjali fil-proċess.

Dwar Interconnect Malta

Interconnect Malta Ltd (ICM) twaqqfet fl-2021 u hija kumpanija tal-gvern taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.

ICM għandha r-responsabbiltà li tiżviluppa proġetti infrastrutturali ewlenin tal-enerġija, inkluż dan il-proġett offshore li jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq il-futur tal-enerġija rinnovabbli f’Malta.

More in Kummer?jali