Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li jeħtieġ niżguraw li l-banek iż-żgħar fl-ekonomiji ż-żgħar ma jsirux aktar timidi quddiem is-sogru tal-investiment, billi waqt li jiġu anqas kompettitivi, inaqqsu l-ħidma tagħhom fis-servizzi finanzjarji fl-ekonomija nazzjonali tagħom, u ħaġa aktar importanti, inaqqsu mis-self lil kumpaniji ta' daqs ċkejken jew medju. X'aktarx li d-dinamika politika tal-Awtorità tar-Reżoluzzjoni se tispiċċa ftit differenti minn dik tal-eurogroup meta per eżempju, dan kien qed jittratta mal-pajjiżi tal-Ewropa tas-sud. ‘Mhux il-banek kollha se jkunu ugwali. L-anqas li se jkunu kapaċi li jlaħħqu ma' dawn l-aspetti se jkunu s-sistemi bankarji tal-pajjiżi ta' daqs mezzan jew ċkejken, speċjalment f'ekonomiji fejn is-servizzi finanzjarji saru qasam importanti.’ Sant qal dan waqt li ivvota favur mozzjoni tal-Parlament Ewropew li tapprova l-Awtorita’ tar-Reżoluzjoni (SRB) li se tkun inkarigata mill-banek f’diffikultajiet fiż-żona Ewro.
Alfred Sant qal li ivvota favur il-mozzjoni imam xtaq jikkondizzjona l-vot b'dawn l-osservazzjonijiet. ‘Unjoni Bankarja għandha sservi biex toħloq trasparenza dwar il-ħidmiet tal-banek fl-unjoni waqt li tħares lill-gvernijiet nazzjonali mill-piżijiet ta' salvataġġi finanzjarji li jkollhom iġorru jekk jikkollassaw il-banek il-kbar tagħhom. Fit-teorija, il-banek jeħtieġ li kollha jiġu trattati bl-istess mod, skont il-kondizzjonijiet partikolari tal-ambjent ekonomiku nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-Awtorità ta' Reżoluzzjoni żgur se tħoss l-effetti ta' pressjonijiet politiċi li jiġu minn diversi nħawi, kif qed jiġri bħalissa fil-Bank Ċentrali Ewropew.’ Qal Alfred Sant.
Il-Parlament Ewropew approva l-kanditati tal-Awtorita’ tar-Riżoluzzjoni b’522 vot favur, 105 kontra u 67 astensjoni. Il-kandidati kienu diġa’ approvati mill-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-PE li matulu Alfred Sant iggrillja lil Ms Elke König, l-unika kandidata biex tmexxi din l-Awtorita’.