Matul dawn l-aħħar jiem, numru ta’ persuni inkwetati kkuntattjaw lill-uffiċji ta’ Microsoft f’Malta dwar telefonati li qed jirċievu minn persuni mhux identifikati li qed jgħidulhom li l-kompjuters tagħhom huma vulnerabbli u li jinsabu f’riskju li jieħdu virus. Qed jgħidulhom ukoll biex jixtru prodotti jew sottoskrizzjonijiet ta’ anti-virus.
Waħda minn dawn l-iscammers li qalet li jisimha ‘Linda Watson minn Microsoft fi Florida’ kellha aċċent tal-Ewropa tal-Lvant filwaqt li oħra kellha aċċent Indjan.
Microsoft Malta tixtieq tavża lill-pubbliku li l-kumpanija qatt ma tikkuntattja lill-konsumaturi bit-telefon u qatt ma tfittex li tipprova tbigħ prodotti tagħha permezz tat-telefon. Għalhekk, dawk l-individwi li jirċievu telefonati bħal dawn għandhom jinjorawhom jew jirrappurtaw inċidenti bħal dawn lill-awtoritajiet lokali konċernati.