Din il-ġimgħa, Hyundai Malta kellha żjara mingħand Byung Kwon Rhim, il-President u CEO ta’ Hyundai Motor Europe. Rhim kien qed iżur lil Malta sabiex jara l-ħidma ta’ Hyundai u biex jiltaqa’ mal-management u l-impjegati ġewwa x-showroom ta’ Hyundai f’B’Kara.
Waqt iż-żjara tiegħu, Rhim tenna l-impenn ta’ Hyundai li ssir waħda mill-iżjed ditti ta’ fiduċja fl-Ewropa.
“Iċ-ċifri matul dawn l-aħħar snin komplew jikkonfermaw li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Fil-fatt, fl-2014 irnexxielna nirreġistraw iżjed bejgħ mill-2013. L-Ewropa hija parti importanti ħafna fl-istrateġija ta’ Hyundai. Il-ħtiġijiet partikolari ta’ dan is-suq wasslu għall-produzzjoni ta’ wħud mill-isbaħ mudelli Hyundai fosthom l-ix35, l-i30 u issa, il-ġenerazzjoni ġdida i20 li ċert li se jkollha impatt tajjeb fis-suq lokali f’Malta wkoll,” qal Rhim.
Rhim żied jgħid li f’ambjent fejn l-ekonomija dinjija għadha qed tirpilja, u għad hemm inċertezza politika f’swieq relattivament ġodda u kompetizzjoni iżjed ħarxa, Hyundai għandha tibqa’ tiffoka sabiex issaħħaħ il-kompetittività tal-prodotti tagħha u tegħleb dawn l-isfidi.
“Irridu nkunu proattivi meta nwieġbu għall-ħtiġijiet tal-klijenti u s-swieq tagħna, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-valuri tagħna permezz ta’ mudelli ġodda li jkunu favur l-ambjent u b’mudelli maħsuba apposta għas-swieq differenti sabiex niksbu iżjed kompetittività. B’mod speċjali fil-ġejjieni, din il-kompetittività se tkun tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tagħna li niżviluppaw teknoloġiji u prodotti ġodda u fuq kemm ir-riżorsi umani tagħna jirnexxielhom ikunu iżjed kreattivi. Huwa għalhekk li Hyundai se tkun qed tinvesti ħafna fir-riċerka u l-iżvilupp u żżid il-faċilitajiet f’dan il-qasam u timpjega iżjed riċerkaturi,” qal Rhim.
Byung Kwon Rhim inħatar President u CEO ta’ Hyundai Motor Europe f’Jannar tal-2013 u matul dawn l-aħħar sentejn, il-prijoritajiet ewlenin tiegħu kienu t-tisħiħ tal-kwalità u tas-sodisfazzjon tal-klijenti f’kull livell. Qabel din il-ħatra, hu kien President ta’ Hyundai Motor Russia u qabel, kellu diversi rwoli ta’ marketing fl-Ewropa u serva wkoll bħala Kap tal-Europe Division fil-kwartieri ġenerali ta’ Hyundai fil-Korea.
Francesca Mamo, Direttur Maniġerjali ta’ Meridein Enterprises, importaturi lokali ta’ Hyundai, irringrazzjat lil Rhim għaż-żjara tiegħu f’Malta u saħqet l-impenn tal-kumpanija li tkompli żżid il-preżenza lokali ta’ Hyundai. “Din iż-żjara kienet ta’ unur għalina u kuntenti li kellna din l-opportunità li nitkellmu ma’ Rhim dwar il-ħidma tagħna u l-isfidi li għandna fuq livell lokali. Aħna konxji li s-sitwazzjoni ekonomika toffrilna diversi sfidi iżda pożittivi li d-dehra u r-reputazzjoni ta’ Hyundai se jkomplu jikkonfermaw il-kwalità tal-mudelli kollha Hyundai,” qalet Francesca Mamo.