MSV Life, il-kumpanija tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja ewlenija f’Malta, iċċelebrat 20 sena ta’ suċċess permezz ta’ kunċert straordinarju mill-kitarrist klassiku Simon Schembri u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Zahia Ziouani fit-Teatru Manoel.
Fil-kunċert indaqq il-‘Concierto de Aranjuez’ ta’ Joaquín Rodrigo u xogħlijiet oħra ta’ Rodrigo u Manuel de Falla.
L-attività, li rat teatru mimli mistiedna distinti li permezz ta’ modi differenti kkontribuxxew għas-suċċess tal-MSV Life tul l-istorja tagħha, saret taħt il-patronaġġ tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. “Ninsabu kburin li ċċelebrajna l-20 anniversarju tal-MSV Life billi rrikonoxxejna l-kontribut ta’ dawk kollha li emmnu fil-kumpanija minn mindu twaqqfet u dawk li taw sehemhom għas-suċċess tagħha f’dawn l-aħħar 20 sena. Nirringrazzjaw ukoll lill-ħbieb u l-imsieħba kummerċjali tagħna li ġew Malta speċifikament biex jattendu din l-attività,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-MSV Life David G. Curmi.
Wara l-kunċert, il-mistednin imxew fuq tapit aħmar lejn il-Każin Malti fejn sar riċeviment lussuż.