L-MIA jiġġenera €660 miljun fis-sena

L-Ajruport jikkontribwixxi għal 9.2% tal-GDP ta’ Malta u isostni 15,300 impjieg

L-Ajruport jikkontribwixxi għal 9.2% tal-GDP ta’ Malta, isostni 15,300 impjieg u jiġġenera €660 miljun fis-sena. Dan skont studju ġdid dwar l-impatt ekonomiku tal-ajruporti Ewropej li nħareġ minn ACI EUROPE u li sar minn InterVISTAS. Skont l-istess studju, l-ajruport ta’ Malta jikkontribwixxi għall-15,300 impjieg u jiġġenera €660 miljun fis-sena. CAPA tgħid li L-MIA hu t-tielet l-aktar ajruport fil-klassi tiegħu minn 136 ajruport li għandu konnettivtà.

“Dan ir-riżultat jikkonferma l-kontribut importanti li l-kumpanija tagħna tagħmel lill-ekonomija Maltija," qal Alan Borg, il- Kap Eżekuttiv, "Skont il-CAPA dan juri kif l-isforzi tagħna qed ikunu kostruttivi u qed jagħmlu lil Malta t-tielet l-aktar ajruport konness fost il-136 ajruport fil-klassi tiegħu" saħaq is-Sur Borg.

Kompla jgħid “Iż-żieda fil-konnettività għal Malta tfisser aktar benefiċċji minn żieda fil-kummerċ, aktar investment, aktar attività turistika u produttività globali. Peress li Malta hi gżira, il-konnettività ta’ Malta hi kruċjali għalina biex nibqgħu kompetittivi fl-ekonomija globali, saħansitra aktar minn pajjiżi Ewropej oħra.”

L-istess rapport juri kif l-ajruporti kollha tal-Ewropa jikkontribwixxu għal 4.1% tal-GDP tal-kontinent u jiġġeneraw €675 biljun kull sena. L-ajruporti jikkontribwixxu għall-impjieg ta’ 12.3 miljun persuna li b'kollox jaqilgħu paga ta’ €356 biljun kull sena b'mod ġenerali. “Iċ-ċifri tal-Ewropa juru biċ-ċar li l-ajruporti u l-imsieħba tagħhom mhumiex biss jipprovdu servizz lill-industriji oħra u lill-pubbliku li jivvjaġġa, iżda fil-fatt huma l-mutur ewlieni biex jiffaċilita t-tkabbir ekonomiku u l-prosperità fid-dinja globalizzata tal-lum,” qal is-Sur Ar-naud Freist, President tal-ACI EUROPE u Kap Eżekuttiv ta’ Brussels Airport Company.

 

More in Kummer?jali