Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar il-kumpanija Pharmacare Premium li topera minn Ħal Far fil-qasam farmaċewtiku. Il-kumpanija, li timpjega madwar 40 ħaddiem, tinkludi investiment Palestinjan u Ġermaniż, kif ukoll mill-Ġordan u s-Sirja.
Muscat dar il-bini tal-kumpanija mal-management u seta’ josserva l-ħidma li ssir f’partijiet differenti tal-fabbrika. F’kummenti lill-meżżi tax-xandir, id-Direttur tal-Pharmacare Premium Bassim Khoury esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li wettaq il-Gvern fl-ewwel sentejn tiegħu u li, fi kliemu, qed tgħin ħafna biex l-intrapriżi jkunu kompettitivi.
Hawnhekk Bassim Khoury semma r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u qal li din hija deċiżjoni kruċjali li se tnaqqas l-ispejjeż tal-kumpanija u tagħti l-imbottatura meħtieġa għal iktar tkabbir fl-impjiegi u fl-investiment.
Khoury ħabbar li Pharmacare Premium se tkun qed tiżviluppa mediċina ġenerika f’Malta kontra l-marda tal-kanċer li se tkun għall-bejgħ fil-Lvant Nofsani u fl-Ewropa. Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-investiment fi skola medika ġdida jkompli jagħmel lil Malta hub tal-mediċina fil-Mediterran.
Muscat ikkonferma li, mill-ġimgħa d-dieħla, kif imwiegħed se jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-kumpaniji privati. Il-Prim Ministru qal li din hija għajnuna prattika u tanġibbli li tgħin lill-intrapriżi jkomplu jinvestu fl-impjegati u fil-faċilitajiet tagħhom.
Għal-laqgħa kien hemm ukoll preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne.