Mapfre Middlesea: l-isem ġdid għal Middlesea Insurance
Il-Grupp Globali MAPFRE ilu azzjonist maġġoritarju tal-kumpanija mill-2011
More in Kummer?jali
Il-Grupp Globali MAPFRE ilu azzjonist maġġoritarju tal-kumpanija mill-2011
Middlesea Insurance p.l.c. ħabbret li se tibdel l-isem tal-kumpanija għall-Mapfre Middlesea plc.
Waqt it-tnedija tal-isem il-ġdid, is-Sur Alfredo Munoz, President u CEO ta’ Mapfre Middlesea spjega li din id-deċiżjoni se twassal sabiex il-kumpanija tibbenefika mill-vantaġġi li tista’ toffri ditta prestiġġjuża bħal MAPFRE f’suq globalizzat. Il-Grupp Globali tal-assigurazzjoni MAPFRE ilu l-azzjonist maġġoritarju tal-kumpanija sa mill-2011.
Huwa enfasizza li l-brand promise ta’ Mapfre Middlesea se jibqa’ dak li jipprovdi servizz eċċellenti lill-klijenti. “Permezz ta’ dan irridu nsiru l-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-għażla.” Is-sur Munoz fakkar f’servizz ieħor offrut mill-Mapfre Middlesea li jagħmilha differenti minn kumpaniji oħra, il-call centre 24/7 li jipprovdi servizzi ta’ roadside assistance, assistenza f’każ ta’ emerġenza fid-djar , assistenza waqt l-ivvjaġġar, u servizz ta’ notifika ta’ klejms fost servizzi oħra. “Dawn is-servizzi jipprovdu lill-klijenti serħan il-moħħ imprezzabbli, u l-importanza tagħhom tidher ċara mill-kummenti pożittivi li nirċievu mingħand il-klijenti li jużaw dawn is-servizzi.”
Is-Sur Munoz temm l-indirizz tiegħu hekk: “Irridu li l-klijenti tagħna jafdawna u biex nirbħu din il-fiduċja rridu nikkonvinċuhom li aħna ta’ min jiddependi fuqna. Dan hu l-messaġġ li rridu nwasslu fil-kampanja l-ġdida tagħna. Il-wegħda tagħna se nsaħħuha permezz tal-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi ġodda u b’determinazzjoni li dejjem immorru pass oltre sabiex naċċertaw li nżommu l-lealta tal-klijenti tagħna u nilqgħu ukoll klijenti ġodda.
Is-Sur Fernando Docampo, Assistant General Manager qal li Mapfre Middlesea se tkompli tiffoka fuq il-klijentiu l-bżonnijiet tagħhom, “għaliex hu biss jekk noffru dak li l-klijenti għandhom bżonn li nistgħu inkomplu niksbu suċċess. Dan se ngħamluh billi nkomplu nipperfezzjonaw l-operat tan-negozju tagħna u nassiguraw l-iżvilupp professjonali u oltre tal-impjegati tagħna. In-netwerk ta’ distribuzzjoni hi parti integrali tal-familja tagħna u se nkomplu nimpenjaw ruħna sabiex intuhom l-għodda neċċesarji biex isaħħu r-relazzjoni mall-klijenti tagħhom. Minn naħa l-oħra l-prossimita tagħna mal-grupp MAPFRE flimkien mas-sħubija tagħna mall-Bank of Valletta hi strument essenzjali sabiex nestendu l-preżenza tagħna madwar il-pajjiż.” Is-Sur Docampo żied jgħid, “L-iskema ta’ lealta li nedejna s-sena l-oħra kienet milqgħuha tajjeb ħafna mill-klijenti tagħna u l-intenzjoni tagħna hi li nkomplu niżviluppawha sabiex nagħtu lill-klijenti ħafna iktar raġunijiet sabiex jibqgħu leali lejna.”
Mapfre Middlesea se tibqa’ toffri kull tip ta’ assigurazzjoni kemm life (permezz tal-kumpanija MSV Life, kumpanija propjeta ta’ Mapfre Middlesea u l-Bank of Valletta) kif ukoll prodotti non-life. Fost il-prodotti offruti hemm assigurazzjoni tal-karozza, dar, saħħa u vjaġġar kif ukoll assigurazzjoni fuq negozji kemm kbar kif ukoll żgħar.
Il-prodotti ta’ Mapfre Middlesea huma aċċessibli minn bosta sorsi. Jistgħu jinxtraw onlajn minn fuq is-sit tal-internet tal-kumpanija, mingħand l-intermedjarji, aġenti u brokers jew billi wieħed iżur wieħed mill-uffiċini reġjonali tal-kumpanija.
Il-bidla fl-isem korporattiv ġiet approvata mill-azzjonisti tal-kumpanija waqt il-laqgħa annwali ġenerali tal-kumpanija nhar l-24 ta’ April.