Bl-Air Malta hemm fejn jaqbillek u hemm fejn le

Eżerċizzju magħmul mill-ġurnal ILLUM juri kif il-linja nazzjonali tal-ajru qed tikkompeti bi prezzijiet ‘low cost’

Eżerċiżżju mill-ILLUM ta’ tqabbil ta’ prezzijiet għal destinazzjonijiet u rotot, strettament Ewropej wera’ illi l-linja nazzjonali tal-ajru bħalissa qed toffri prezzijiet li huma prattikament fl-istess livell ta’ dak li qed joffru linji ‘low cost’ minn Malta, jekk mhux irħas ukoll, f’ċerti każi.

L-eżerċizzju sar fuq ħames rotot u destinazzjonijiet popolari mal-Maltin u li għalihom kemm l-AirMalta kif ukoll linji tal-ajru low cost itiru. L-ILLUM għażel il-bliet ta’ Londra, Amsterdam, Glasgow, Marsilja u Ruma u qabbel il-prezzijiet offruti għal titjira għal persuna waħda, lejn id-destinazzjoni u lura, b’bagalja ta’ 20Kg, fil-perjodu bejn is-17 ta’ Awwissu sas-27 ta’ Awwissu esklużi spejjeż relatati mal-assigurazzjoni jew spejjeż oħrajn.

L-eżerċizzju sar nhar it-Tlieta li għaddew u l-prezzijiet ikkwotati jista’ jkun li inbidlu minn dakinhar sal-lum.

€6 biss differenza fil-prezz għall-Londra

Biljett għal din il-belt b’titijira lejn l-kapitali Ingliża nhar it-18 ta’ Awwissu u titjira lura nhar il-25 ta’ Awwissu  swiet b’kollox €348.75 bl-AirMalta. Il-prezz jinqasam hekk; €209.23 għat-titjira ’l barra minn Malta u €139.20 lejn Malta. Il-prezz jinkludi €80.75 f’taxxi u €11 f’”servizzi adizzjonali”.

Bil-linja tal-ajru Ryanair, l-istess destinazzjoni fl-istess dati tiswa €342, prezz li jinkludi €70 għal bagalja ta’ 20Kg l’hemm u lura u €6.72 fi spejjeż relatati mal-użu tal-karta ta’ kreditu.

Dan ifisser li d-differenza hija ta’ €6, għalkemm meta wieħed iqis li tal-aħħar tuża l-ajruport ta’ Luton jew Stansted u għalhekk wieħed ikollu jħallas mal-€25 f’trasport, lejn Londra u lura, l-Airmalta tiġi iktar irħisa.

€100 ogħla għall-Amsterdam

L-istorja hija xi ftit differenti għal Amsterdam, anke jekk il-kumpanija Irlandiża ‘low cost’ tieqaf fl-ajruport ta’ Eindhoven li huwa madwar siegħa u nofs il-bogħod. Id-dati magħżulin kienu bejn id-19 u 26 ta’ Awwissu.

Il-prezz ‘low cost’ jitla’ għal €230.50, li jinkludi €112.19 għat-titjira ‘l barra minn Malta u €46.91 lejn Malta u spejjeż tal-karta ta’ kreditu.

Minn naħa l-oħra bil-linja nazzjonali tal-ajru AirMalta li tasal sal-ajruport ta’ Amsterdam, il-prezz jitla’ għal €322.78, jew €92.28 aktar mill-‘low cost’. Dan il-prezz jinkludi l-€11 f’servizzi u €45.78 f’taxxi. Minkejja dan, din id-differenza ma tinkludix l-ispiża għal trasport minn u lejn l-ajruport ta’ Eindhoven fil-każ tal-low cost.

Il-prezzijiet għal Glasgow fl-istess ilma

Il-prezzijiet għal Glasgow, belt fl-Iskozja li minnha ħafna jivjaġġaw għal bosta żoni oħrajn fir-Renju Unit, fosthom il-popolari Lake District, huma prattikament l-istess bejn l-AirMalta u Ryanair.

Ma’ din tal-aħħar il-prezz lejn din il-belt Skoċċiża titla’ għal €289.66 bit-titjiriet nhar it-Tlieta 18 ta’ Awwissu u lura fil-25 ta’ Awwissu filwaqt li bil-linja nazzjonali tal-ajru il-prezz huwa ta’ €306.94. Dan ifisser li d-differenza hija minima ħafna u tlaħħaq is-€17 biss.

Il-Linja Nazzjonali irħas għal Ruma

Mill-eżerżizzju ta’ dan il-ġurnal jirriżulta li fil-każ ta’ Ruma l-AirMalta hija saħasitra irħas minn titjira bl-istess rotta bil-linja easyjet.

Bil-linja ‘low cost’ titjira lejn il-belt kapitali Taljana titla’ għal €202.48 li jinkludi €114.49 ‘l barra minn pajjiżna u €48.99 lejn Malta u €39 fi spiża ta’ bagalji.

Bil-linja nazzjonali l-istess destinazzjoni tiswa €177, maqsum f’€115.23 l’ barra mill-pajjiż, €62.35 lejn Malta, €48.58 f’taxxi u €11 fi spejjaż addizzjonali. Dan ifisser li l-linja nazzjonali hija €25 irħas mill-‘low cost’.

Differenzi kbar għal Marsilja

L-unika differenza kbira bejn il-prezzijiet ta’ linja ‘low cost’ u dawk tal-linja nazzjonali kienu għal Marsilja, dan l-aktar minħabba li l-AirMalta tieqaf Munich qabel id-destinazzjoni aħħarija.

Bil-kumpanija Ryanair il-prezz għal din il-belt Franċiża jitla’ għal €317.20, filwaqt li bil-linja nazzjonali din tisplodi ‘l fuq għal €676.63. Dan ifisser li d-differenza hawnhekk hija waħda massiċċa ta’ madwar €350.

 

More in Kummer?jali