Fil-missjoni tagħha biex tassigura li l-ħalib frisk u prodotti oħra tal-ħalib friski tal-Benna jkunu jistgħu jiġu gawduti minn kulħadd, il-Malta Dairy Products Ltd. ħabbret li se tkabbar il-firxa ta’ prodotti friski u bnini tagħha bl-introduzzjoni ta’ ħalib frisk bla lattosju u yogurts light bla lattosju.
Il-ħalib frisk BENNA bla lattosju jibda bħala ħalib regolari tal-baqar. Persuni b’intolleranza għall-lattosju m’għandhomx biżżejjed enżima ta’ lactase fil-ġisem tagħhom biex jassorbu l-lattosju, iz-zokkor naturali misjub fil-ħalib. Biex tissolva din il-problema, l-enzima tal-lactase tiġi miżjuda mal-ħalib sabiex tkisser il-lattosju f’żewġ tipi ta’ zokkor aktar sempliċi li jissejħu glukosju u galattosju, li huma faċilment assorbiti fis-sistema diġestiva tal-bniedem.
Billi xejn ma huwa miżjud jew imnaqqas, ir-riżultat huwa ħalib frisk BENNA, iżda bla lattosju. Il-ħalib kollu użat fil-produzzjoni tal-ħalib bla Lattosju, bħal fil-każ tal-prodotti l-oħra tal-Benna, huwa 100% ħalib frisk Malti. B’hekk, dan il-prodott se jkun l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip fil-gżejjer Maltin.
Persuni li huma intolleranti għal-lattosju iżda li jixtiequ jibqgħu jikkunsmaw ħalib frisk, bnin u nutrittiv, issa m’għandhomx għalfejn jibqgħu jiċċaħdu minnu. Il-ħalib frisk issa jista’ jerġa jsir parti integrali mid-dieta tagħhom, peress li l-ħalib bla lattosju ma jikkaġunalhom l-ebda skumdità.
Dan il-ħalib se jkun jista’ jinxtara f’kartuna tal-litru b’tapp konvenjenti. Aktar minn hekk, persuni li huma intolleranti għall-lattosju issa jistgħu jgawdu wkoll yogurts light bla lattosju f’pakkett konvenjenti ta’ żewġ tazzi u fi tliet togħmiet differenti, frawli, vanilla u naturali. Bħal fil-każ tal-ħalib frisk bla lattosju, dawn il-yogurts għandhom it-togħma tajba u t-tjubija nutrittiva kollha ta’ prodott frisk, sempliċiment mingħajr il-lattosju.
Dawn il-prodotti bla lattosju jistgħu faċilment jiġu inklużi f’riċetti normali kull fejn hemm ħalib jew yogurts. Dawn il-prodotti ġodda se jkunu qed jinbiegħu mill-ħwienet kollha madwar Malta u Għawdex.