€6 miljun f'self ġdid lil negozji żgħar u medji f'Malta
EIF u Banif Bank iħabbru l-ftehim SME Initiative Malta
minn Staff Reporter
Il-European Investment Fund, parti mill-European Investment Bank Group, u Banif Bank (Malta) ħabbru inizjattiva taħt l-‘SME Initiative Malta’ fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru, Louis Grech u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg. Permezz tal-ftehim iffirmat illum Banif Bank se jipprovdi madwar €6 miljun ta’ self ġdid lill-SMEs f’Malta, sal-aħħar tal-2019. Dan hu wieħed minn żewġ transazzjonijiet taħt l-‘SME Initiative’ iffirmati f’Malta li flimkien se jiġġeneraw total ta’ aktar minn €65 miljun ta’ self, li jissarrfu f’għajnuna lil aktar minn 800 kumpanija Maltija.
Il-ftehim ma’ Banif għandu l-għan li jiffaċilità l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs Maltin billi jgħin lill-Bank inaqqas ir-rati tal-imgħax fuq is-self u l-garanzija bankarja mitluba. Qed ikun antiċipat li aktar minn 60 SME u start-up se jgawdu minn din l-inizjattiva ‘SME Initiative Malta’ hu strument finanzjarju maħluq bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Grupp EIB u l-Gvern ta’ Malta bil-għan li jistimula l-finanzjament għall-SMEs billi jagħti garanzija parzjali fuq ir-riskju għal self mogħti lill-SMEs minn istituzzjonijiet finanzjarji lokali. Permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-Unjoni Ewropea (ESIF) u bil-kontribut tal-Gvern ta’ Malta, SME Initiative Malta hi ko-finazjata mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm Horizon 2020 kif ukoll bil-għajnuna tal-Grupp EIB.
F’kummenti li ta, Dario Scannapieco, Viċi President tal-EIB, qal, “Għandi pjaċir li qed nagħti l-appoġġ li dan il-ftehim f’Malta taħt l-inizjattiva ‘SME Initiative’. Bil-kollaborazzjoni ta’ Banif Bank,jiena konvint li flimkien se nkunu qed nilħqu ħafna SMEs Maltin li għandhom bżonn il-fondi. Dan il-ftehim ġdid hu riżultat ta’ kollaborazzjoni eċċellenti bejn il-Grupp EIB, l-awtoritajiet Maltin, il-KE u l-banek.”
Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tal-EIF Pier Luigi Gilibert qal, “Ninsab kuntent ħafna li qiegħed Malta llum biex niffirma dan il-ftehim ta’ garanzija għan-negozji Maltin taħt l-‘SME Initiative’. Banif Bank hu sieħeb finanzjarju ġdid għall-EIF f’Malta u għandna pjaċir li qegħdin naħdmu magħhom biex intejbu l-aċċess għall-finanzi għall-kumpaniji b’riżultat ta’ dan il-ftehim. Flimkien, ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej, tal-EU Horizon 2020 u tal-Grupp EIB jixprunaw l-EIF biex jagħti l-appoġġ lill-SMEs billi jaqsmu r-riskju u jipprovdu għajnuna għall-bżonnijiet ta’ provvediment ta‘ kapital lill-intermedjarji finanzjarji.”
Il-Kap Eżekutiv ta’ Banif Bank Joaquim F. Silva Pinto saħaq li, “Bħala bank stabbilit fis-suq Malti, il-Bank se jibqa’ jagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomija lokali billi joffri faċilitajiet ta’ kreditu lin-negozji, maħsuba speċifikament biex jaqdu l-ħtiġijiet li għandhom fi stadji differenti tal-operat tagħhom – minn start-ups sa żvilupp u tkabbir. Il-ftehim il-ġdid tagħna u l-kollaborazzjoni mal-EIF ifissru li se nkunu f’pożizzjoni b’saħħitha aktar minn qatt qabel biex noffru lill-intraprendituri u lin-negozji self b’sigurtà minima u b’rata ta’ imgħax vantaġġjuża. Il-prodott il-ġdid li qed inħabbru,‘Banif Business Accelerate’, se jkun qed jagħmel propju dan. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej għal din l-opportunità u għar-rwol tiegħu biex intlaħaq dan il-ftehim li permezz tiegħu qed ikun katalist għat-tkabbir kontinwu tan-negozji Maltin.”
Elena Grech, Kap tar-Rappreżentanza f’Malta tal-Kummissjoni Ewropea qalet, “It-tieni ftehim ta’ garanzija fuq self taħt l-SME Initiative iffinanzjata mill-UE hu aħbar tajba għall-intrapriżi Maltin u għall-investituri. Huma issa se jkollhom l-għażla bejn żewg istituzzjonijiet finanzjarji u jistgħu japplikaw għal aktar self għall-investiment bil-benefiċċju li jkunu parzjalment koperti mill-UE.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali, Louis Grech qal li, “Fl-isfond tal-politika tal-Gvern li jippromwovi tkabbir ekonomiku u ġid, għandi pjaċir inħabbar lil-Banif Bank bħala istituzzjoni finanzjara ewlenija li se timplimenta l-‘SME Initiative’ f’Malta għall-benefiċċju tan-negozji żgħar u medji..
Din l-inizjattiva, li tikkummplimenta faċilitajiet oħra eżistenti f’Malta, hi pass ieħor li se jkompli jikkontribwixxi għall-progress li l-ekonomija Maltija qed tesperjenza. Se tipprovdi wkoll opportunità unika liċ-ċittadini Ewropej biex jirrelataw mal-Unjoni u jesperjenzaw b’mod tanġibbli l-benefiċċji li toffri l-Unjoni Ewropea”.
Fuq l-istess nota, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE 2017, Ian Borg, spjega li, “Malta qed tfassal esperjenzi pożittivi u qed ittejjeb strumenti oħra finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Permezz tal-inizzjattiva tal-SMEs, se tipprovdi aċċess finanzjarju iktar faċli u konvenjenti biex n-negozji żgħar u medji jkomplu jikbru. L-esperjenza wrietna li l-komunità tan-negozju fehmet li l-istrumenti finanzjarji taw kontribut għat-titjib fil-produttività tan-negozju filwaqt li nkisbu riżultati oħra pożittivi fl-ekonomija. Għalhekk, l-implementazzjoni tal-inizjativa tal-SMEs, permezz tal-intermedjarju finanzjarju ieħor, Banif Bank, tawgura tajjeb biex tkompli tingħata l-għajnuna lin-negozji, permezz ta’ self bankarju, b’rata ta’ imgħax aktar baxxa maħsuba biex itejbu l-operat u l-kapaċitajiet ta’ investiment tagħhom.