Bħalissa, fl-Oratorju Don Bosco t’Għawdex qed isiru l-aħħar preparamenti biex fil-ġranet li ġejjin jittella’ spettaklu mużikali ġdid bl-isem ta’ Kolbe. Din hija rock-opera bil-Malti li qed issir f’għeluq il-75 sena mill-mewt ta’ San Massimiljanu Kolbe fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fil-Polonja matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-ġrajja ta’ Kolbe hija msejsa fuq il-fidi qawwija ta’ dan l-eroj u d-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna. Hija ġrajja minsuġa mal-valuri tas-solidarjetà, l-inklużjoni, l-paċi u l-ħelsien - kollha valuri li għadhom meħtieġa fis-soċjetà tagħna tal-lum. U għalhekk il-messaġġ li trid twassal din ir-rock-opera għadu attwali ħafna.
Ir-rock-opera Kolbe se ssir għall-ewwel darba fit-teatru tal-Oratorju Don Bosco, Għawdex nhar is-Sibt 11 ta’ Marzu fis-7.30pm, b’ripetizzjoni l-għada l-Ħadd 12 ta’ Marzu fis-2.30pm (matinee show), kif ukoll is-Sibt 18 ta’ Marzu fis-7.30pm. Bla dubju dan se jkun wieħed mill-isbaħ xogħlijiet mużikali kbar li l-Għaqda Drammatika tal-istess Oratorju qatt tellgħet f’dawn l-aħħar snin fit-teatru tagħha.
Kolbe hu spettaklu ta’ sagħtejn mużika kontinwa mill-isbaħ minsuġa b’kant u żfin u mtella’ minn kast ta’ madwar mitt persuna. Il-mużika tiegħu għal solisti u korijiet, hija miktuba fuq stili differenti li jvarjaw minn ballads, għal rock, folk, blues u ġeneri oħra, li imma jolqtu żgur il-gosti ta’ kulħadd. Fir-rock-opera se jieħdu sehem uħud fost l-aqwa talent Għawdxi tal-mument. Il-karattri ewlenin f’ Kolbe qed ikunu nterpretati minn Ruth Portelli, Mario Caruana, Jamie Camilleri u Lara Xerri Mompalao. Kantanti oħra jinkludu Sarah Bonnici, Maria Cassar, Fabian Galea, Angelica Portelli u Mario Portelli. Il-mużika nkitbet mit-Taljan Daniele Ricci, waqt li l-arranġamenti vokali tħallew f’idejn Mario Caruana u Evelyn Bonnici. Id-direzzjoni artistika hija f’idejn Saviour Cremona.
Il-biljetti għal dan l-ispettaklu mużikali jistgħu jinkisbu mill-Oratorju Don Bosco t’Għawdex kuljum wara l-5.00pm, jew inkella billi wieħed iċempel fuq in-numri 21556616 jew 99487751. Il-booking jista’ jsir ukoll permezz tal-indirizz elettroniku [email protected].