Wara 43 sena ta’ impenn fuq ir-rotta tagħha Malta – Brussell – Malta, l-Air Malta kompliet żżid il-frekwenzi tat-titjiriet b’massimu ta’ żewġt titjiriet kuljum.
Din il-frekwenza miżjuda hija intiża biex tappoġġja it-tkabbir fid-domanda ta’ vvjaġġar bl-ajru bejn il-kapitali Ewropea u Malta. Dan is-sajf, l-Air Malta qed tippjana li tkompli żżid il-kapaċità tal-postijiet fuq ir-rotta ta’ Brussell b’aktar minn 25 % jew 20,000 post ieħor meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Din se tkun il-ħames sena infila li l-Air Malta tkun żiedet it-titjiriet u l-postijiet fuq din ir-rotta. Is-sena li għaddiet l-Air Malta kellha 84 % tat-traffiku kollu bejn Malta u Brussell. Bis-saħħa ta’ din il-kapaċità u dan it-tkabbir miżjudin fuq din ir-rotta, aktar u aktar organizzaturi ta’ konferenzi qed jagħmlu lil Malta d-destinazzjoni tal-għażla tagħhom. F’Ġunju li ġej se jkun hemm għadd ta’ konferenzi importanti tal-Kummissjoni tal-UE b’aktar minn 2,000 delegat li se jkunu qed jiltaqgħu minn madwar l-Ewropa kollha f’Malta. Minbarra s-servizzi skedati ppjanati, l-Air Malta pprogrammat 3 titjiriet addizzjonali minn u lejn Brussell biex tiffaċilita l-aċċess għal dawn id-delegati u biex toffri saħansitra aktar opportunitajiet ta’ vvjaġġar lill-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa.
Paul Sies, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta kkummenta, “Hija xi ħaġa mill-aqwa li tara kif l-Air Malta tista’ toffri flessibbiltà lill-industrija tal-lukandi u tal-konferenzi u nċentivi ta’ Malta u toħloq flussi tad-dħul ġodda għal din il-gżira billi żżid aktar titjiriet fejn ikun meħtieġ. Il-linja tal-ajru Maltija attivament qed tfittex opportunitajiet ta’ dħul ġodda u flimkien mal-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, din toffri flessibbiltà billi taġġusta l-kapaċità tan-netwerk tagħha meta u fejn ikun hemm bżonn.
Dan sempliċiment juri li l-Air Malta hija aktar minn linja tal-ajru, u tista’ titqies aktar bħala estensjoni tal-infrastruttura ta’ Malta. Din hija l-unika linja tal-ajru li hi verament impenjata għall-ġid ta’ Malta u l-Maltin.”
It-titjiriet addizzjonali qed jinbiegħu issa mill-mezzi kollha ta’ bejgħ tal-Air Malta inkluż www.airmalta.com u aġenti tal-ivvjaġġar madwar iddinja kollha.