L-ewwel titjira operata minn Wizz Air minn Katowice fil-Polonja niżlet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kmieni llum waranofsinhar. Katowice hija l-ewwel rotta ġdida għas-sajf minn fuq l-iskeda għal dan l-istaġun tal-ajruport.
It-titjiriet lejn din il-belt fil-Polonja ser jibdew jitilqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa sa Ottubru.
Katowice tinsab fil-Lbiċ tal-Polonja u hija madwar siegħa bogħod bil-karozza minn Krakow u mat-300 kilometru bogħod minn bliet bħal Vjenna, Bratislava u Budapest. Dan jagħmel lil Katowice destinazzjoni ideali għal min ikun jixtieq iżur aktar minn belt Ewropea waħda fl-istess btala.
Ir-rotta ta’ Katowice hija mistennija li tkompli ttejjeb in-netwerk tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-Polonja, li diġà jinkludi titjiriet lejn Gdansk, Krakow, Warsaw, Wroclaw, u Poznań. Il-passiġġieri li qed jaslu Malta mill-Polonja reċentement esperjenzaw żieda fin-numri, f’konformità mal-istrateġija ta’ Malta li ttejjeb il-konnettività tal-gżejjer mal-Ewropa tal-Lvant.
Il-passiġġieri fuq l-ewwel titjira minn Katowice ntlaqgħu minn żeffiena bil-kostum tradizzjonali ta’ Malta. Għall-okkażjoni nqasam ukoll kejk magħmul apposta għal din it-tnedija.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-linja tal-ajru Ungeriża, Wizz Air, ser tibda topera aktar rotot mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, inklużi Cluj-Napoca (fir-Rumanija), Skopje (fir-Repubblika tal-Maċedonja), u Belgrad (fis-Serbja).