Il-kumpanija Ġermaniża RS2, speċjalizzata fis-settur tat-teknoloġija finanzjarja, ħabbret li daħlet formalment fil-ġirja biex takkwista lil HSBC Malta, waqt li wiegħdet li mhux biss iżżomm l-operat kollu tal-bank imma wkoll li tirxoxta d-ditta ikonika tal-Mid-Med Bank
Kif irrapurtat Times of Malta, RS2 kkonfermat li kienet mistiedna tippreżenta offerta formali biex takkwista lil HSBC Malta. Jekk l-offerta tkun ta' suċċess, il-kumpanija għandha pjanijiet ambizzjużi li mhux biss iżżomm għaddej l-operat u l-impjegati tal-HSBC, imma wkoll li tirxoxta l-Mid-Med Bank, li kien tneħħa għalkollox wara nxtara minn HSBC fl-1999.
“Ksibna d-drittijiet għad-ditta tal-Mid-Med u l-intenzjoni tagħna hija li nerġgħu nagħtuha l-ħajja,” qal kelliem għall-kumpanija lit-Times of Malta, u ddeskriva dan il-pass bħala ritorn simboliku ta’ “kampjun lokali b’aspirazzjonijiet Ewropej”.
RS2 mhix ġdida fis-suq Malti: ilha preżenti f’Malta għal aktar minn 30 sena, b’uffiċini fil-Mosta u f’Għawdex, u timpjega madwar 200 ruħ.
Għalkemm l-ishma tal-kumpanija raw tnaqqis fil-prezz riċentament, RS2 tibqa’ attur ewlieni fl-industrija dinjija tal-ipproċessar tal-pagamenti, b’klijenti kbar fosthom Worldpay, SumUp, Swedbank, Banca Intesa, u Barclays.
L-offerta ta’ RS2 tinkludi wegħdi kuraġġużi: l-ebda ħaddiem ma jitkeċċa, l-ebda fergħa tal-bank ma tingħalaq, u l-infrastruttura sħiħa tal-ATMs u tal-fergħat fiżiċi tal-HSBC tinżamm.
“Il-pjan tagħna huwa li nżidu l-operat, mhux innaqqsu,” insista l-kelliem. “Aħna qed nikkommettu ruħna li nżommu lill-impjegati kollha u l-infrastruttura kollha eżatt kif inhi.”
Għalkemm RS2 ma żvelatx kif biħsiebha tiffinanzja l-akkwist, qalet li “l-finanzjament għal offerta kompetittiva diġà jeżisti.”
RS2 hija r-raba’ offerent magħruf għal HSBC Malta, u tidher bħala kandidat serju wara li APS Bank, li kienet meqjusa bħala l-favorita, irtirat l-interess tagħha l-ġimgħa li għaddiet. Il-kompetizzjoni issa tinkludi wkoll lill-ġgant bankarju Ungeriż OTP u konsorzju lokali ta’ negozji.