Dehra ġdida għall-observation deck tal-ajruport

 

Din tagħmel parti mill-ewwel fażi tal-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tal-Ajruport, b'investiment ta' €12-il miljun f'xogħlijiet ta’ titjib madwar it-terminal

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għadu kemm fetaħ l-observation deck tiegħu għall-pubbliku, wara għeluq temporanju li ppermetta li kemm dan l-ispazju u kemm l-esperjenza provduta jingħataw ħajja ġdida.

Id-deck, li tinsab fit-tielet sular tat-terminal, hija punt uniku minn fejn wieħed jista’ jgawdi veduti eċċezzjonali tar-runway bl-irħula li jdawru l-ajruport fl-isfond.

Għadd ta’ installazzjonijiet tul il-kuritur li jwassal għad-deck jieħu lill-viżitaturi fuq vjaġġ tul l-istorja tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u jipprovdu lil dawk li huma dilettanti tal-avjazzjoni b’għadd ta’ fatti u figuri interessanti. Sar sforz speċjali sabiex l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’tali mod li tappella u tkun aċċessibbli anki għal udjenzi iżgħar fl-età.

“Fix-xhur li għaddew ġejna mistoqsijin regolarment mill-pubbliku meta ser terġa’ tiftaħ l-observation deck u dan ġegħelna nirrealizzaw, aktar minn qatt qabel, kemm hi popolari din il-parti tat-terminal tagħna, speċjalment mal-pubbliku lokali u l-familji. Tassew nittamaw li d-dehra ġdida li ngħatat lil dan l-ispazju tilħaq l-aspettattivi tal-pubbliku, u tikkontribwixxi għall-esperjenza mtejba li dejjem nippruvaw nipprovdu, mhux biss lil min ikun qed jivvjaġġa iżda anki lill-viżitaturi tal-ajruport tagħna,” qal is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.

Id-deck tipprovdi spazju fuq barra li huwa ideali biex wieħed igawdi t-temp sabiħ tas-sajf, filwaqt li jara l-attività li tkun għaddejja fuq ir-runway. Id-deck ġiet mgħammra wkoll b’kanopew iddisinjat apposta għal dan l-ispazju, li jipproduċi effett simili għad-dell li joħolqu l-weraq u l-friegħi tas-siġar.

Id-dehra ġdida li ngħatat l-observation deck hija parti mill-ewwel fażi tal-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li permezz tiegħu qed jiġu investiti €12-il miljun f’diversi xogħlijiet ta’ titjib madwar it-terminal. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett inbdew f’Settembru 2016 u mistennijin jitlestew qabel is-sajf tal-2018.

L-aċċess għall-observation deck huwa bla ħlas u miftuħ kull ħin. 

More in Kummer?jali