Ftehim bejn il-GO u Melita għal aktar stazzjonijiet sportivi
...l-udjenzi Maltin mistennijin igawdu minn żieda ta' stazzjonijiet sportivi
More in Kummer?jali
...l-udjenzi Maltin mistennijin igawdu minn żieda ta' stazzjonijiet sportivi
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri ħabbar li permezz ta’ ftehim bejn Melita u GO, konsumaturi lokali se jkunu qed igawdu mill-aqwa tal-Premium Sports fuq Total Sports Network.
“Wara diskussjonijiet li kelli mal-Melita u Go, nista’ nħabbar li ntlaħaq ftehim fl-aqwa interess tal-konsumaturi lokali. Ftehim li se jkun qed ifisser li konsumaturi lokali u udjenzi se jkunu qed igawdu minn stazzjonijiet ġodda sportivi li se jkunu qed jiġu offruti minn Melita u GO. Nixtieq nirringrazzja liż-żewġ operaturi li poġġew l-ewwel l-aqwa interess tal-konsumaturi u li se jkunu qed joffru pakkett sportiv ikkunsidrat bħala l-aqwa fl-Ewropa,” qal Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita, Harald Roesch, qal li Melita qablet li taqsam id-drittijiet tagħha mal-GO għall-benefiċċju tal-klijenti kollha tagħha li jsegwu l-isports. “Il-firxa ta’ sports premium li ser inkunu qed noffru hija l-unika waħda fl-Ewropa kollha, u tenfasizza pass ieħor fil-ħidma tagħna biex nissodisfaw lill-klijenti tagħna bl-aqwa programmi,” qal il-Kap Eżekuttiv Roesch.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ GO, Nikhil Patil, esprima s-sodisfazzjoni li issa Total Sports Network se jkun offrut fis-suq lokali. “Bl-għaqda tal-ħiliet u d-drittijiet għal xandir televiżiv tal-GO u tal-Melita, il-klijenti f’Malta u Għawdex issa jistgħu jgawdu minn esperjenza ta’ sports aktar varjata. Il-klijenti tagħna ilhom ħafna jitolbu dan, u aħna tassew kuntenti li issa ninsabu f’pożizzjoni li noffru din l-għażla,” qal Nikhil Patil.
Dan il-ftehim ifisser li minn Awwissu, il-klijenti ta’ Melita u GO ser ikunu jistgħu jgawdu minn tmien stazzjonijiet high definition ġodda tal-isport taħt l-isem ta’ TSN, Total Sports Network. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Melita u l-GO ser jikkomunikaw separatament b’mod dirett mal-klijenti tagħhom sabiex jingħataw aktar dettalji.