Nestlé Malta terġa’ tiżgura appoġġ kontinwu lill-Fondazzjoni LifeCycle (Malta)
Nescafé LifeCycle Challenge 2021 xorta se tkun qed tieħu lill-LifeCyclists lejn l-Arġentina u ċ-Ċilì, is-sena d-dieħla, għal sfida bir-roti ta’ 2,000 kilometru biex jinġabru fondi għall-pazjenti bi problemi fil-kliewi
minn Yendrick Cioffi
Nescafé, f’isem Nestlé Malta, ikkonfermat mill-ġdid il-ftehim ta’ sponsorship ta’ Lifecycle Challenge, hekk kif il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) iddeċidiet li tipposponi l-avveniment ċiklistiku li jmiss għas-sena d-dieħla, minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 madwar id-dinja. Nestlé Malta xorta waħda se tkun qed issostni din il-21 sfida bil-brandikonika tagħha, Nescafé, bħala title sponsor. Dan l-isponsorship se jkun iddedikat għal programm ġdid ta’ riċerka dwar il-mard poliċistiku tal-kliewi fl-Università ta’ Malta, u lejn ir-Renal Unit Support Health Hub (R.U.S.H.).
Għalhekk, kif kien ippjanat oriġinarjament, in-Nescafé LifeCycle Challenge 2021 xorta se tkun qed tieħu lill-LifeCyclists lejn l-Arġentina u ċ-Ċilì, is-sena d-dieħla, għal sfida bir-roti ta’ 2,000 kilometru biex jinġabru fondi għall-pazjenti bi problemi fil-kliewi.
Il-Fundatur ta’ Lifecycle Alan Curry qal: “Nemmen li minn dan l-għawġ xorta nistgħu noħorġu b’saħħitna. Is-sħubija b’saħħitha ma’ Nestlé Malta tqawwilna qalbna biex naħdmu dejjem aktar għall-benefiċċju ta’ pazjenti li jbatu minn problemi fil-kliewi, u tal-familji tagħhom. Fi sfond tax-xenarju COVID-19, il-Kumitat tal-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) ddeċieda b’responsabbiltà li jipposponi l-isfida ta’ din is-sena b’erba’ xhur, bit-tama li jjkunu tneħħew ir-restrizzjonijiet u b’hekk inkunu nistgħu nivvjaġġaw b’mod sigur lejn l-Arġentina u ċ-Ċilì. Għalhekk, il-Kumitat iddeċieda li jressaq l-isfida għal Frar tas-sena d-dieħla, jiġifieri mill-21 ta’ Frar sas-6 ta’ Marzu 2021. Dawn id-dati għad iridu jkunu kkonfermati.
“Ilkoll konxji li l-attività ta’ ġbir tal-flus se tkun għadma iebsa. Madankollu, matul dan il-perjodu tal-COVID-19 komplejna naħdmu biex niġġeneraw ideat ġodda ħalli niġbru l-fondi meħtieġa. Kampanji ta’ awareness-raising bħal tagħna jeħtieġ li jespandu l-firxa tagħhom biex ikunu effettivi fit-twettiq tal-missjoni tagħna. Dan għaliex aħna niddependu fuq il-ġenerożità tal-pubbliku biex inkunu nistgħu nagħmlu aktar u nżidu l-għajnuna tagħna lill-persuni li qed ibatu minn problemi fil-kliewi. Saħansitra, biex nuru d-determinazzjoni tal-grupp fit-twettiq tal-isfida Arġentina/Ċilì, kellna biss persuna waħda mit-tim ta’ 40 li ma setgħetx tipposponi għal Frar 2021. Minkejja dan, persuna oħra minn sfida preċedenti immedjatament ħadet dak il-post vakanti, biex b’hekk xorta se jkun hemm parteċipazzjoni inkredibbilment b’saħħitha”.
Coffee Category Business Manager u Maniġer għall-Komunikazzjoni Korporattiva ta’ Nestlé Charlene Ellul, qalet: “Nikkonfermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħna għall-Isfida LifeCycle, li minn dejjem kienet perfettament konformi mal-oġġettiv ta’ Nestlé, hekk kif dejjem inħeġġu lin-nies biex ikollhom stil ta’ ħajja bilanċjata u b’saħħitha. Nifhmu r-realtà ta’ distanzi soċjali, diffikultajiet finanzjarji u restrizzjonijiet ikkawżati mill-COVID-19, li b’mod speċjali jfixklu avvenimenti bħal dawn milli jiġbru flus meħtieġa għal dawk fil-bżonn. B’hekk l-isponsorship tan-Nescafé LifeCycle Challenge se jkompli jkun ta’ opportunità kbira għalina biex nuru li mhux se nitwaqqfu minn dan l-għawġ, hekk kif se nkomplu ngħinu u nieħdu ħsieb il-komunità tagħna. Il-prinċipji tagħna huma mibnija fuq valuri, u dan hu dak li nemmnu bis-sħiħ li LifeCycle qed tagħmel fl-isforzi tagħha billi toffri rispett lill-pazjenti u lill-familji tagħhom. Din hi għażla sensibbli għalina biex nerġgħu niżguraw u nikkonfermaw mill-ġdid il-kontribut tagħna għal dan l-att nobbli mifrux mal-pajjiż kollu.”
Fi Frar li għadda, il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) nediet il-kampanja biex tiġbor fondi tant meħtieġa biex tappoġġja persuni bi problemi fil-kliewi. Dan kien tħabbar miċ-Ċerpersin tal-LifeCycle, Dr Shirley Cefai, f’laqgħa mal-ġurnalisti f’ChicPhysique Studio, Hilltop Gardens, in-Naxxar, fil-preżenza ta’ Charlene Ellul, Alan Curry u diversi LifeCyclists.
Il-Fondazzjoni Lifecycle (Malta), l-unika NGO li tiġbor il-flus biex tappoġġja pazjenti bi problemi fil-kliewi f’pajjiżna, taħdem id f’id mal-istaff mediku tal-Unità Renali fl-Isptar Mater Dei u t-tim ta’ riċerka dwar il-mard fil-kliewi fl-Università ta’ Malta, permezz tar-Research Trust (RIDT). Barra minn hekk, il-Fondazzjoni LifeCycle tiġġenera ukoll għarfien dwar trapjanti tal-organi f’Malta.
Id-donazzjonijiet għan-Nescafé LifeCycle Challenge 2021 jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 99329101, permezz ta’ PayPal fuq din il-link: https://buff.ly/35g17CC jew
permezz ta’ sms fuq: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal donazzjoni ta’ €6.99; 5061 9229 għal donazzjoni ta’ €11,65; jew
permezz ta’ telefonata fuq in-numru 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10, 5170 2005 għal donazzjoni ta’ €15; u 5180 2006 għal donazzjoni ta’ €25.
Id-dettalji tal-bank: kodiċi Swift - VALLMTMT, numru - IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, isem tal-Bank - Bank of Valletta u numru tal-Kont - 14814521017.
Għal aġġornamenti u donazzjonijiet lin-Nescafé LifeCycle Challenge 2021 idħol fuq: https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge/