BIL-FILMAT: Jitnieda l-programm ta’ Esplora għas-sena skolastika 2024-2025
Fl-għoxrin ta' Settembru 2024 nieda l-programm tiegħu tal-edukaturi għas-sena skolastika 2024-2025 fiċ-ċentru Interattiv tax-xjenza ġewwa l-Esplora
Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, fl-20 ta’ Settembru 2024, nieda l-programm tiegħu għas-sena skolastika 2024-2025.
Dan il-programm se joffri sett vast ta’ riżorsi, workshops, u esperjenzi interattivi mfassla speċifikament kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-istudenti.
Iddisinjat biex jikkumplimenta l-kurrikulu nazzjonali, il-programm ta’ din is-sena se jipprovdi opportunitajiet ġodda biex titrawwem imħabba għax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) fost l-istudenti, filwaqt li jagħti s-setgħa lill-għalliema permezz ta’ metodi innovattivi ta’ tagħlim u attivitajiet prattiċi.
Preżenti għat-tneddija, il-Ministru Clifton Grima qal li wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ Esplora huwa li jħajjar lill-istudenti jagħżlu aktar dawn is-suġġetti relatati ma’ STEM. “Dan huwa wkoll programm li jattwa dak li hemm fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, li tenfasizza wkoll fuq il-litteriżmu diġitali u l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi,” hu żied jgħid.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li “l-edukazzjoni tax-xjenza mhux biss tagħti l-għarfien, imma tqanqal il-kurżità u tgħallem biex napprezzaw kif ix-xjenza tmiss il-ħajja ta’ kuljum tagħhom. “Dan il-programm qed jitnieda għaliex nemmnu li l-imħabba għat-tagħlim trid titnissel fi ħdan l-istudenti tagħna minn kmieni,” hu stqarr.
Il-programm ta’ din is-sena joffri sensiela ta’ workshops ġodda mfassla biex jiżguraw li l-kontenut mhux biss jinvolvi lill-istudenti imma wkoll jappoġġja u jtejjeb ir-riżultati tat-tagħlim stabbiliti mill-iskejjel.
Esplora se jkompli jipprovdi sessjonijiet ta’ żvilupp professjonali għall-għalliema, b’enfasi fuq teknika ta’ tagħlim prattiku u l-integrazzjoni tal-litteriżmu diġitali fil-klassi.
It-temi ewlenin għal din is-sena jinkludu s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni diġitali, u l-perkorsi tal-karriera STEM, li jiżguraw li l-istudenti jiksbu għarfien rilevanti u ffukat fuq il-futur li jgħaqqad direttament ma’ kwistjonijiet u opportunitajiet tad-dinja reali.
L-iskejjel qed jiġu mistiedna jieħdu lill-istudenti tagħhom fl-Esplora għal żjarat interattivi, fejn jistgħu jesploraw esebizzjonijiet u jipparteċipaw f’esperimenti li jagħtu l-ħajja lix-xjenza.
Flimkien mat-tnedija, Esplora qed joffri Karta tas-Sħubija Esklussiva għall-edukaturi bil-prezz ta’ €10 biss. Din is-sħubija tagħti lill-edukaturi aċċess liberu għall-Esplora, inklużi l-avvenimenti edukattivi tematiċi kollha, mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2025.
L-aċċess b’xejn ikopri l-edukatur, adult addizzjonali, u żewġt itfal. Din hija opportunità unika biex l-għalliema jqarrbu lill-familji tagħhom fix-xjenza u fl-iskoperta.
Waqt l-avveniment tat-tnedija, Olaf McKay, Direttur ta’ Esplora, saħaq dwar in-natura kollaborattiva tal-Programm tal-Edukaturi. “
Fl-Esplora, aħna impenjati ħafna li nappoġġjaw lill-edukaturi billi nipprovdu riżorsi innovattivi u hands-on li jtejbu t-tagħlim fil-klassi. Nemmnu li l-edukazzjoni hija vjaġġ ta’ skoperta, u l-għan tagħna huwa li nagħtu s-setgħa lill-għalliema biex jispiraw kurżità u ħsieb kritiku fl-istudenti tagħhom. Bil-programm ta’ din is-sena, qed nimmiraw li nagħmlu x-xjenza aċċessibbli, eċitanti u rilevanti għall-istudenti ta’ kull età”, qal McKay.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella qal, “L-edukaturi ma joffrux biss l-għarfien, imma jiftħu l-bibien għal orizzonti ġodda. Programmi bħal dawn se jagħtu s-setgħa lill-edukaturi jmorru lil hinn mill-metodi tradizzjonali ta’ tagħlim, u jgħinu lill-istudenti jesploraw kunċetti varji f’ambjent interattiv. L-approċċ interattiv u prattiku li toffri l-Esplora jagħti l-ħajja lix-xjenza u l-innovazzjoni. Dan jikkumplimenta dak li l-edukaturi qed jgħallmu fil-klassijiet, u joffri lill-istudenti opportunità biex japplikaw l-għarfien teoretiku b’mod impenjattiv u prattiku."
Esplora tħeġġeġ lill-edukaturi kollha biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet diversi offruti permezz ta’ dan il-programm u jużaw ir-riżorsi offruti biex jagħtu l-ħajja lis-suġġetti STEM.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Programm tal-Edukaturi 2024-2025 jew dwar il-Karta tas-Sħubija tal-Edukaturi Esklussivi, wieħed jista’ jżur is-sit www.esplora.org