John Bundy, il-preżentatur magħruf li wara żmien twil man-NET TV sar ammiratur ta’ Joseph Muscat kien ser jingħata l-Breakfast Show fuq PBS minflok Pierre Portelli u s-slot ta’ Norman Vella fuq il-PBS ta’ bejn is-7pm u t-8pm.
Dan ikkonfermah sors viċin l-istazzjon nazzjonali. Dan l-aħħar Bundy allega li Silvio Scerri l-kap tal-Ministeru ta’ Manwel Mallia qal li jrid ineħħi lil Norman Vella, Scerri qed jinnega li qal hekk u għamel libell kontra Bundy.
Minn informazzjoni li għandu dan il-ġurnal, jidher li Bundy kien ser jippreżenta l-programm ta’ filgħodu hu, u ta’ filgħaxija kien se jippreżentah xi ħadd li jiġi minnu.
Iżda l-intopp ta’ dan l-arranġament kien li Bundy ried jipproduċi l-programm ġo studio privat u mhux fil-PBS. U l-PBS insistew li l-programm għandu jsir fil-PBS u fil-kwartieri tal-PBS.
Jidher ukoll li Bundy wera x-xewqa li jkollu kariga għolja fil-PBS, ħabib ta’ Bundy qalilna li Bundy kien qed jikkunsidra anki l-pożizzjoni ta’ Chief Executive Officer tal-PBS. Iżda din il-gazzetta ma setgħetx tikkonferma dan.
Bundy li kien għal xi żmien DJ fuq Radio 101 huwa magħruf l-aktar u sinonimu għad-diska “Pajjiż tal-Mickey Mouse,” kanzunetta li biha rebaħ L-Għanja tal-Poplu. Bundy kien ukoll Viċi Ċermen tal-kumitat tal-Malta Song for Europe. Kien magħruf ukoll bħala DJ li kien fetaħ l-istazzjon Radio 101, u wara li kellu xi diżgwid ma’ dan l-istazzjon, telaq. Fetaħ stazzjon maċ-Ċaqnu, A3 FM, wara kien spiċċa fuq TVM u ironikament qabel l-elezzjoni mar fuq One TV u ppreżenta Breakfast News u kif ukoll il-programm li suppost kellu jikkompeti ma’ Xarabank. Il-programm kien jismu Affari Tagħna li kien jiġi mxandar mill-istudios li jinsabu fix-Xgħajra.
Jidher li sa ftit ilu kien għadu tajjeb mal-Gvern u kien qed ikun il-compere fil-laqgħat ta’ Gvern li Jisma’.