Mill-2013 ’l hawn kien hemm 24 minorenni li kienu meqjusin bla nazzjonalità, jiġifieri m’għandhom l-ebda ċittadinanza fl-ebda pajjiż, u li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija.
Dil-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Spazji Miftuħa Bernice Bonello lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.
Fil-mistoqsija, Bonello staqsiet lill-Ministru biex jgħid “kemm hawn persuni li huma stateless f’Malta? Kemm minn dawn huma ġenituri ta’ tfal li joqogħdu Malta bħalissa?”
Iżda l-Ministru evita li jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u wieġeb biss kemm kien hawn persuni minuri “li kienu jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 sal-lum li ġie ddikjarat fl-applikazzjoni għat-talba għaċ-ċittadinanza tagħhom li huma stateless.”
Barra minn hekk, Bonello staqsiet ukoll biex il-Ministru jgħid minn liema pajjiżi ġejjin il-ġenituri tat-tfal bla stat. Iżda Camilleri ma qal xejn la dwar il-ġenituri u lanqas dwar il-pajjiż tal-oriġni ta’ dawn il-persuni bla stat.
Jevita li jwieġeb x’qed isir biex jingħataw iċ-ċittadinanza
Meta Bonello staqsiet lill-istess Ministru biex jgħid x’azzjonijiet qed jieħu l-Gvern biex lil dawn it-tfal tingħatalhom iċ-ċittadinanza, Camilleri evita li jwieġeb u kkwota l-liġi taċ-ċittadinanza b’naturalizzazzjoni.
“Ninsab infurmat li Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar iċ-ċittadinanza (Kap. 188) jipprovdu r-rekwiżiti għal talbiet għaċ-ċittadinanza Maltija minn persuni stateless,” qal il-Ministru.
L-artikli kkwotati fil-liġi jagħtu numru ta’ kriterji ta’ kif persuna tista’ tikseb iċ-ċittadinanza permezz tan-naturalizzazzjoni.
Iċ-ċittadinanza qiegħda f’idejn il-Ministru
Meta dil-gazzetta ċċekkjat il-liġi kkwotata, jidher illi ċ-ċittadinanza tal-minorenni qiegħda f’idejn il-Ministru “responsabbli għall-ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu maċ-ċittadinanza Maltija”, li jiġi Byron Camilleri.
Skont artiklu 11, il-Ministru jista’ jagħti ċertifikat ta’ ċittadinanza lill-minuri li l-ġenituri tagħhom huma diġà ċittadini Maltin.
Iżda l-istess artiklu jgħid ukoll li skont “ċirkostanzi speċjali li jidhirlu xieraq” il-Ministru, l-istess Ministru jista’ jagħti ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni lill-minorenni.
Fl-istess ħin, il-liġi ma tagħti l-ebda eżempju ta’ ċirkostanza fejn il-Ministru responsabbli jista’ jiċċertifika lill-minorenni bħala ċittadini Maltin.