Is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna hija t-tema tad-diskussjoni waqt il-programm Reporter li jixxandar live għada filgħaxija fis-6.55pm fuq TVM.
Il-mistiedna ta’ Saviour Balzan din il-ġimgħa se jkunu l-Ispettur Sandro Camilleri, l-Avukat Ramona Frendo u George Busuttil mill-għaqda Mid-Dlam għad-Dawl.
Spiss jingħadu kummenti fuq is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna, kemm favur u kemm kontra. Il-perċezzjoni tal-poplu hi li aħjar ma jkollokx x’taqsam mal-qorti għax ma tafx kemm iddum tistenna biex tieħu r-raġun u mhux dejjem tirbaħ il-ġustizzja. Saviour Balzan jiddiskuti mal-mistiedna tiegħu jekk din il-perċezzjoni hijiex ġusta u x’hemm bżonn jinbidel fis-sistema ġudizzjarja biex ma jkunx hemm lok għal abbużi li jistgħu jwasslu biex persuni innoċenti jintbagħtu l-ħabs bla ħtija. Jistaqsi wkoll jekk il-pulizija tagħmilx il-verifiki kollha meħtieġa qabel ma tressaq persuna l-qorti u kif id-difiża targumenta l-każ biex min hu innoċenti ma jispiċċax il-ħabs.
Reporter għandu produzzjoni u preżentazzjoni minn Saviour Balzan mgħejun mill-ġurnalist Frederick Attard. Il-programm ikollu ripetizzjoni għada stess fl-10.15pm fuq TVM 2.