F’April żieda ta’ 12.2% fit-Turiżmu

Imħabbra żieda ta’ 12.2% fl-ammont ta’ turisti li żaru Malta f’April.

Turisti jżuru il-belt siekta tal-Imdina
Turisti jżuru il-belt siekta tal-Imdina

Din il-figura tammonta għal 150,030 turist. In-nefqa totali tat-turisti f’April ta’ din is-sena kienet tammonta għal €114.7 miljuni, jiġifieri żieda ta’ 13% fuq April tas-sena li għaddiet.
Din l-informazzjoni ħarġet minn stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li fiha ntqal li mit-turisti li ġew Malta f’April ta’ din is-sena, 122,129 ġew fuq btala filwaqt li 11,103 ġew fuq xogħol.
Fil-maġġor parti tagħhom it-turisti kienu minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea filwaqt li l-etajiet tat-turisti kienu l-aktar bejn 45 u 64 sena, segwiti minn dawk ta’ bejn 25 u 44 sena.
Fil-perjodu bejn Jannar u April 2014, in-numru ta’ turisti li ġew Malta kien ta’  382,654, li jfisser żieda ta’ 8.9% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Dawn it-turisti bejniethom nefqu f’Malta €291.4 miljuni li ras għal ras tfisser nefqa ta’ €765 kull turist.
Intant, ILLUM għamel kuntatt mal-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fejn staqsejnieh dwar issa li jidher li t-turiżmu qabad ritmu tajjeb, tant li qed naraw żieda xahar wara xahar, x’inhu l-kontribut li qed iwassal għal dawn il-figuri pożittivi u x’qed isir biex ikun żgurat li dawn il-figuri jkunu miżmuma matul ix-xhur tax-xitwa?
Fit-tweġiba tiegħu Zammit Lewis qal li huma tlieta l-fatturi li qegħdin iwasslu għal dawn iċ-ċifri straordinarji fis-sena 2014 meta mqabbla mas-snin ta’ qabel u partikolarment mas-sena 2013.
“L-ewwel fattur hu l-konnettività aħjar ma’ diversi destinazzjonijiet rinomati biex ikollna iktar turisti f’Malta. Permezz t’hekk ikollna aktar flessibbiltà, kumdità u aċċessibbiltà għat-turist li jrid jiġi Malta. Dan jidher ċar mil-linji tal-ajru ġodda, li minn żmien għal żmien qed jitħabbar li se jibdew joperaw minn pajjiżna. Dan hu dovut ukoll għall-marketing aggressiv u ffukat li qed isir f’ċerti source markets u market segments li huma importanti għal pajjiżna. Fl-aħħar nett dan hu frott ta’ relazzjoni kontinwa ma’ operaturi barranin fit-turiżmu li jiggarantulna influss konsistenti ta’ turisti fostna. Ma jiġi xejn b’kumbinazzjoni iżda b’xogħol li jsir kuljum f’dan ir-rigward” sostna l-Ministru.
Zammit Lewis żied jgħid li m’hemmx dubju li l-isfida importanti li rridu nirbħu hi dik tal-istaġjonalità; jiġifieri fl-istaġun diffiċli tax-xitwa, noħolqu niċeċ ġodda ta’ turiżmu. Qal ukoll li qed isiru sforzi biex jiżdied is-settur tal-konferenzi f’dan iż-żmien, settur magħruf bħala MICE. Kompla jgħid li s-settur tat-turiżmu sportiv u dak kulturali huma niċeċ oħra li l-Gvern, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed jaħdem fuqha.
“Se jsiru wkoll sforzi biex il-kalendarju tal-avvenimenti, li jsiru bejn Ottubru u Marzu jiżdied b’attivitajiet varji u attraenti li jkomplu jgħinu biex inressqu aktar turiżmu lejn pajjiżna f’dan il-perjodu. Finalment qed tkompli tiżdied il-konnettività bl-ajru minn destinazzjonijiet importanti biex nagħmluha aktar faċli għat-turisti li jiġu Malta f’dan il-perjodu” temm jgħid il-Ministru.

More in Politika