Il-liġi li qed ifassal il-gvern Malti dwar it-tibdil tal-klima hija kkunsidrata bħala pass pożittiv. Dan qalitu Christiana Figueres, l-ogħla uffiċjal tal-Ġnus Magħquda dwar il-klima fi tmiem laqgħa dwar Climate Action li qed torganizza il-Ġnus Magħquda fuq livell Ministerjali bi tħejjija għal-laqgħat għolja li mistennija jsiru fix-xhur li ġejjin.
Fiż-żewġ interventi tiegħu, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat qal li l-gassijiet serra f’pajjiżna mistennija jonqsu b’40% fil-qasam tal-enerġija sas-sena 2020 b’paragun ma’ li kienu fis-sena 1990 minħabba li sal-lum l-akbar emissjonijiet dejjem ġew mis-settur tal-enerġija.
Brincat saħaq li bil-bidla għall-gas, pajjiżna mistenni jnaqqas in-nefqa fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku filwaqt li jnaqqas ukoll l-impatt ambjentali. Qal ukoll li permezz tal-liġi dwar it-tibdil tal-klima ser jiġu stabbiliti l-istrutturi meħtieġa biex l-għanijiet ta’ pajjiżna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-adattazzjoni jiġu segwita, aġġornati u anke vverifikati.
Il-Ministru tenna li billi dan mistenni jkollu effett pożittiv ukoll fuq il-kwalità tal-arja, huwa jemmen li dawn il-miżuri ser itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin.