Il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-tfal li jkollhom bżonn jiġu rikoverati f’faċilità għall-kura tas-saħħa mentali, taħt l-ebda ċirkostanza m’għandhom jitpoġġew fi swali ma’ adulti jew f’żoni li mhumiex dedikati biex jilqgħu t-tfal fihom. Dan stqarru l-Kelliem għas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha enfasizza l-bżonn li l-politiċi kollha jiġbdu ħabel wieħed.
Grech żied jgħid li sfortunatament dawn il-każijiet għadhom qed jiġru u dan jixhed falliment serju fil-politika ta’ pajjiżna f’dan il-qasam tant sensittiv. Qal ukoll li l-falliment tagħna mhuwiex biss lejn dawn it-tfal iżda huwa wkoll lejn il-familji tagħhom u lejn is-soċjetà kollha.
“Din mhijiex materja ta’ politika partiġġjana iżda bħala politiċi għandna obbligu li naraw li dawn il-każijiet ma jiġru qatt. Ma teżisti l-ebda skuża organizzattiva jew finanzjarja għal dawn iċ-ċirkostanzi. Il-pajjiż jonfoq ħafna flus f’affarijiet ħafna anqas importanti u ċertament li materja bħal din għandha tingħata l-importanza u l-prijorità kollha neċessarja,” qal Claudio Grech.