In-nisa fi ħdan il-Partiti Politiċi
Hekk kif għaddew ġimagħtejn mill-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ILLUM ser jagħti ħarsa lejn ir-rwol tan-nisa fi ħdan il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista.
minn Frederick Attard
L-organizzazzjoni fi ħdan il-Partit Laburista ġiet ristrutturata fl-aħħar ġimgħat u issa tissejjaħ NL - Nisa Laburisti. L-organizzazzjoni hija mmexxija minn Claudette Abela Baldacchino Membru Parlamentari Ewropew preċedenti u President filwaqt li s-sezzjoni nisa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hi magħrufa bħala Moviment Nisa Partit Nazzjonalista u hi mmexxija minn Marion Pace Asciak, ukoll bħala President.
L-idea ta’ ħafna hi li dawn iż-żewġ għaqdiet huma biss biex ikunu organizzati attivitajiet bħall-coffee mornings u xi logħob tat-tombla u li matul il-kampanja elettorali, l-istess attivitajiet iservu ta’ pjattaforma għall-Kandidati propsettivi sabiex jidhru, jgħidu kelmtejn u jippruvaw jikkapparaw il-vot ta’ dawk preżenti.
ILLUM jagħmel dawn l-erba’ domandi liż-żewġ Presidenti rispettivi sabiex naraw mill-qrib x’inhu eżatt l-iskop li għalih huma mwaqqfa u l-ħidma involuta minn nisa fi ħdan iż-żewġ partiti.
1. X’inhu r-rwol u l-funzjoni tal-grupp li tmexxi int bħala President?
Claudette Abela Baldacchino - NL - Nisa Laburisti hija organizzazzjoni, aħna m’aħniex għaqda jew grupp jew xi grupp ta’ pressjoni. Aħna forza kbira fis-soċjetà. Din is-sena rat lil NL - Nisa Laburisti tagħmel riforma oħra fl-istorja tagħha. Kienet ix-xewqa tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat li jara din ir-riforma sseħħ fi ħdan il-Partit Laburista. Mhux biss ġie mniedi kumitat ġdid iżda fuq kollox tpoġġew miri ġodda fil-ħidma tagħha. Ngħid dan għaliex filwaqt li NL ser tibqa’ dik il-fergħa li tirrappreżenta kemm lin-nisa fi ħdan il-Partit Laburista u ’l barra minnu, hemm il-fehma sħiħa li l-mira tagħna għandha tkun dik li naħdmu sabiex ikollna soċjetà aktar ugwali fejn nisa u rġiel, b’mod ugwali, jkunu jistgħu jilħqu l-milja tal-miri tagħhom fil-ħajja. Bħala NL nemmnu li sabiex dan iseħħ hemm bżonn il-ħidma ta’ kulħadd, kemm nisa kif ukoll irġiel. Propju għalhekk, għall-ewwel darba, fl-istrutturi ta’ Nisa Laburisti qed jingħata spazju għall-kontribut tal-irġiel. Bħala President, flimkien mal-kollegi tiegħi, ninsab impenjata li naħdmu sabiex nieħdu l-opportunità li ġġib magħha l-fatt li llum hemm Gvern Laburista sabiex nagħtu l-ideat tagħna sabiex ngħinu fit-twettiq tal-għan aħħari li s-soċjetà Maltija tkun waħda fejn l-opportunitajiet indaqs ikunu xi ħaġa li għandna nieħdu - kif jgħidu bl-Ingliż - ‘for granted’ u mhux bħallikieku kienet xi ħaġa eċċezzjonali.
Marion Pace Asciak - Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista hu wieħed mill-fergħat tal-Partit u l-għan prinċipali tiegħu hu li jagħti għajnuna sħiħa lill-PN fit-tfassil tal-politika nazzjonali tiegħu, waqt li jagħti direzzjoni politika lill-membri tal-Moviment, jiġifieri n-nisa tesserati kollha, skont il-viżjoni u t-twemmin li jħaddan il-Partit. Il-Moviment jaħdem ukoll mill-qrib man-nisa tal-Kumitat Sezzjonali, kif ukoll mal-fergħat l-oħra tal-Partit.
Il-kuntatti tal-MNPN imorru lil hinn mill-Partit innifsu għaliex iżomm kuntatt ma’ għaqdiet lokali li magħhom isiru diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni. Barra minn hekk jinżamm ukoll kuntatt regolari ma’ movimenti ta’ nisa fl-Unjoni Ewropea, u membri mill-Eżekuttiv tal-Moviment jattendu laqgħat u konferenzi organizzati minn dawn il-movimenti internazzjonali li jagħmlu parti mill-Partit Popolari Ewropew. Dawn il-kuntatti nazzjonali u internazzjonali jgħinu lill-moviment biex tkun tista’ ssir riċerka u jitħejjew proposti li jitressqu għad-diskussjoni quddiem il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN.
“Irridu naħdmu biex ikollna soċjetà ugwali fejn in-nisa u l-irġiel jilħqu l-milja tal-miri tagħhom”
2. Isiru konsultazzjonijiet perjodiċi magħkom fuq temi ta’ natura politika ġenerali, apparti temi li jirrigwardjaw biss lin-nisa?
Claudette Abela Baldacchino - Sinċerament ma naħsibx li hawn xi tema partikulari li b’xi mod jew ieħor ma tirrigwardjax lin-nisa. F’din l-ottika, Nisa Laburisti tipparteċipa b’mod sħiħ fit-tfassil tal-politika li minn żmien għal żmien imexxi l-quddiem il-Partit Laburista.
Marion Pace Asciak - Bħall-fergħat kollha tal-Partit, l-MNPN għandu rappreżentanza wiesgħa fil-Kumitat Eżekuttiv u l-President tagħmel parti mill-Kumitat Amministrattiv u għalhekk leħinna jinstema’ f’kull livell tal-Partit. Ovvjament ma nitkellmux biss dwar temi li jirrigwardjaw in-nisa imma niddiskutu, nagħtu suġġerimenti u opinjonijiet tagħna fuq kwistjonijiet politiċi ta’ kull xorta. Numru sabiħ tal-Eżekuttiv tal-Moviment huma attivi f’organizzazzjonijiet oħra bħal Kumitati Sezzjonali, Kunsilli Lokali, NGOs differenti u għaqdiet fl-irħula tagħna. Niktbu artikli f’gazzetti, nippreżentaw programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni u nieħdu sehem f’konferenzi u diskussjonijiet b’temi mill-aktar wiesa’. Għalhekk ma naħsibx li nistgħu nqisu li s-sehem tagħna hu b’xi mod limitat għall-kwistjonijiet li jirrigwardjaw in-nisa biss.
3. X’kontribut tagħtu lill-Partit, apparti attivitajiet soċjali, waqt kampanja elettorali lokali kif ukoll Ewropea?
Claudette Abela Baldacchino - Nemmen li din tal-attivitajiet soċjali huwa mod limitat ħafna ta’ kif wieħed iħares lejn il-ħidma tal-għaqdiet tan-nisa fil-ħidma politika. Fil-ħidma politika, Nisa Laburisti tipparteċipa bis-sħiħ fl-isferi kollha u ma tillimitax ruħha biss għal organizzazzjoni ta’ attivitajiet soċjali, anki jekk dawn jibqgħu ta’ importanza kbira u jistgħu jsiru b’mod differenti minn dak tradizzjonali, għaliex jgħinu sabiex ikun hemm mhux biss aktar fraternità bejn il-parteċipanti iżda wkoll jagħtu opportunità sabiex ikun hemm firxa aktar wiesgħa tal-ideat. Naħseb li l-esperjenza tal-aħħar elezzjonijiet kemm ġenerali kif ukoll Ewropej tgħallem dwar kif organizzazzjonijiet bħal Nisa Laburisti, iżda mhux biss għaliex dan l-argument japplika wkoll għall-għaqdiet taż-żgħażagħ fost oħrajn, jistgħu jressqu ’l quddiem l-ideat tagħhom fit-tfassil ta’ programmi elettorali maħsuba sabiex jinkiseb l-għan aħħari ta’ rimodellar tas-soċjetà Maltija f’soċjetà fejn subien u bniet, nisa u rġiel, iħossuhom parteċipanti ugwali u b’opportunitajiet indaqs. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li għadhom kemm għaddew konna protagonisti kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa. Hekk ser inkunu f’kull elezzjoni.
Marion Pace Asciak -
Wara li nkunu tajna s-sehem tagħna billi nissuġġerixxu nies li jistgħu jiġu avviċinati biex jintagħżlu bħala kandidati, kemm għall-Elezzjoni Ġenerali, kif ukoll għal dawk lokali u dawk tal-MEPs, il-MNPN dejjem ikollu rwol attiv u dirett fil-kampanja elettorali. Aħna nieħdu ħsieb attivitajiet li jkunu qed jiġu organizzati mill-Partit innifsu, imma wkoll norganizzaw attivitajiet fuq livell ta’ fergħa jew ta’ fergħat flimkien. Pereżempju, għall-Elezzjoni tal-MEPS, il-MNPN organizza, fid-Dar Ċentrali, laqgħat miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Peress li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta 11-il kandidat, qsamnihom fi 3 laqgħat differenti biex b’hekk dawk li attendew setgħu jsiru jafu lill-kandidati kollha mill-qrib. Fil-fatt, f’dawn il-laqgħat li għalihom kien hemm attendenza tajba, mhux biss il-kandidati għamlu d-diskors tagħhom, imma n-nies setgħu jagħmlu l-mistoqsijiet, jitkellmu u jiddiskutu magħhom fuq dak kollu li xtaqu. Tajjeb li ninnota li għal dawn il-laqgħat attendew numru sabiħ ta’ rġiel ukoll.
“Kuntenta bir-riżultat mhux għax nisa, imma għax kapaċi”
Claudette Abela Baldacchino - Jien naħseb li r-riżultat miksub fl-Elezzjonijiet Ewropej ta’ din is-sena huwa sinjal ċar li s-soċjetà Maltija qed tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna. Sa ftit taż-żmien ilu, kont nisma’ argumenti dwar il-ħtieġa li jitpoġġew fis-seħħ miżuri - bħal kwoti - sabiex nagħtu ċans lin-nisa jieħdu posthom f’istituzzjonijiet bħal Parlament u l-Parlament Ewropew. Jien personalment miniex prodott tal-kwota, u allura dejjem argumentajt b’mod differenti. Meta għaxar snin ilu saru l-ewwel elezzjonijiet Ewropej f’pajjiżna, Malta kienet eċċezzjoni li ma kellha l-ebda Ewroparlamentari mara fid-delegazzjoni tagħha. Dan inbidel is-sena li għaddiet meta ġew eletti tliet membri parlamentari nisa u għalhekk ilħaqna l-mira ta’ rappreżentanza ugwali bejn nisa u rġiel. Jien għadni kemm kont fdata bir-responsabbiltà ta’ sena mill-poplu Malti u Għawdxi bħala Membru Parlamentari Ewropew. Kont nisħaq f’kull fora, kemm lokali kif ukoll mill-Parlament Ewropew stess li issa l-isfida li kellna kienet mhux li jkunu eletti nisa, iżda li nżommu dak li ksibna sena ilu. Fil-fatt, ftit kienu dawk li ħasbu li f’dawn l-elezzjonijiet, dan ir-riżultat seta’ jiġi mtejjeb, iżda l-elettorat Malti, għal darb’oħra ta risposta ċara meta eleġġa 4 membri parlamentari Ewropej minn delegazzjoni ta’ 6. Dan ifisser li żewġ terzi tad-delegazzjoni Maltija fil-Parlament Ewropew se tkun magħmula minn nisa. Għalija dan huwa sinjal b’saħħtu ħafna li l-elettorat Malti qiegħed jagħti lill-politici. Il-poplu Malti b’leħen qawwi qed jgħid li l-analiżi tal-kandidati ssir fuq bażi ta’ kapaċità u mhux fuq xi konsiderazzjoni oħra. Nemmen li din il-linja ta’ ħsieb għandha timlina bil-kuraġġ li fis-snin li ġejjin dejjem aktar nisa ser isibu l-post xieraq tagħhom fit-tmexxija - f’kull livell - ta’ dan il-pajjiż.
Marion Pace Asciak - L-elettorat Malti m’għadux jagħti importanza lill-politika daqs kemm kien jagħti qabel u dan hu frott ta’ snin twal meta d-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u l-ġustizzja soċjali kienu mħarsa u mħaddma fil-ħajja ta’ kuljum. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jiżdiedu l-floaters għaliex l-iżviluppi kbar li saru fl-edukazzjoni jgħinu lill-bniedem jaħseb b’moħħu u jiddeċiedi hu x’inhu l-aħjar għalih personali u għall-pajjiż. Sfortunatament hemm t-tendenza li wieħed jieħu ċerti affarijiet ‘for granted’ u għalhekk jaħseb li dak li kiseb ma jistax jitilfu u jaħseb biss fil-politika meta jintlaqat ħażin hu jew il-familja tiegħu. Dwar ir-rwol tan-nisa, kuntenta ħafna li mis-6 MEPs, hemm 4 minnhom nisa, mhux għax nisa imma għax kapaċi. Anke dan hu frott tax-xogħol li sar f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin fil-qasam tal-edukazzjoni, fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u fl-inċentivi u f’kundizzjonijiet tajba li ngħataw lin-nisa biex ikunu jistgħu jiffurmaw ruħhom u jsibu xogħol li jixirqilhom, mingħajr ma jonqsu mid-doveri tagħhom lejn il-familja. Jidher li l-kultura f’pajjiżna qed tinbidel u hu sinjal pożittiv li fil-Parlament Malti, il-PN fl-Oppożizzjoni għandu 5 nisa minn 30 deputat u għall-PL fil-Gvern hemm 4 minn 39. Jalla dawn in-numri jkomplu jitkattru.