Alfred Sant
Kandidat li ġab kważi 49 elf vot tal-ewwel preferenza ma setax ma jiġix promoss. Filwaqt li kien ammont massiċċ, m’affettwax negattivament lill-Partit fil-kwistjoni tar-raba’ siġġu tant li ma kien hemm l-ebda vot mhux trasferibbli.
Roberta Metsola
Minkejja li kienet meqjusa bħala favorita, Metsola ma ddiżappuntatx u ġabet 12-il elf vot aktar minn David Casa, li kien ilu jservi fi Brussell għal għaxar snin. Metsola għamlet użu sew mis-sena li ilha fil-Parlament Ewropew: mhux ta’ b’xejn li żiedet il-voti tagħha b’aktar minn 26 elf meta kkumparat mar-riżultat personali tagħha ta’ ħames snin ilu.
Miriam Dalli
Tal-Partit Laburista, iżda forsi marret aħjar milli xi wħud stennew. B’aktar minn 23,400 vot Dalli marret it-tieni l-aħjar fil-kamp laburista wara Alfred Sant, u rnexxielha taqbeż ukoll lil MEP Marlene Mizzi. Ir-riżultat tagħha kompla jgħin mhux ftit lill-PL biex ipinġi ruħu bħala partit femminista u żagħżugħ.
David Casa
Hu l-unika kandidat elett li sa ċertu punt iddiżappunta. Biex niftehmu, 19,500 vot hu riżultat tajjeb, iżda l-fatt li kellu jistenna sal-25 count biex jilħaq il-kwota kien se jiswa it-tielet siġġu tal-PN. Ġie ‘salvat’ biss meta wiret aktar minn 9 t’elef vot minn Ray Bugeja f’għadd wieħed, li reġa’ dawwar ix-xenarji kollha favur it-tielet siġġu Nazzjonalista.
Marlene Mizzi
Li tikseb 14-il elf vot meta żewġ kandidati fl-istess partit (Sant u Dalli) jkunu kisbu nofs il-voti li ħa l-partit, żgur li mhux riżultat ħażin. Ta’ min isemmi li s-suċċess ta’ Mizzi hu rifless fil-wirt. Wara l-ewwel għadd tal-voti kien hemm il-biża’ li Mizzi jiġrilha l-istess bħal 2009 u tinqabeż minn Clint Camilleri waqt il-wirt minħabba l-kunjom, iżda dan ma ġarax. Riżultat sodisfaċenti li tkun eletta speċjalment fil-kuntest li wħud jaħsbu li ma ngħatatx biżżejjed spazju mill-magna tal-partit.
Therese Comodini Cachia
Mal-wasla tagħha fis-sala tal-għadd tal-voti kmieni l-Erbgħa filgħodu, ingħatat merħba ta’ eroj mill-partitarji nazzjonalisti. Ma tistax tgħid li Comodini Cachia ddiżappuntat f’din l-elezzjoni, fuq kollox ġabet it-tielet siġġu ferm mixtieq minn Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista.
Clint Camilleri
Żgur li kien l-akbar sorpriża f’din l-elezzjoni, fejn il-perit Għawdxi magħruf bħala ‘Tal-Bedeq’ kien ftit biss ’l bogħod milli jikseb ir-raba’ siġġu għall-Partit Laburista. Minn Għawdex Camilleri ġab 6,600 vot li kienu determinanti biex il-Partit Laburista jżomm il-maġġoranza f’Għawdex. Camilleri rnexxielu wkoll jiġbed eluf ta’ voti tal-kaċċaturi u nassaba. M’hemmx dubju li Joseph Muscat hu kuntent bih.
Joseph Cuschieri
Bħala l-kap tad-delegazzjoni Laburista, żgur li seta’ jmur aħjar. Jidher li Cuschieri patta qares għall-kampanja elettorali diżappuntanti; Waqt li l-kandidati l-oħra kienu ilhom xhur jikkampanjaw u jaħdmu, hu kien għadu qed jaħsibha joħroġx. Meta eventwalment tefa’ n-nomina tiegħu, ma kellhiex l-effett mixtieq wara li ftit jiem biss qabel kien ħabbar li mhux se jagħmel dan, meta attakka li l-magna tal-partit ma riditux li jikseb suċċess. Minkejja dan kollu kiseb 10,500 vot tal-ewwel preferenza, li turi li għad għandu ċertu appoġġ speċjalment mill-votanti tradizzjonali laburisti.
Francis Zammit Dimech
Kien it-tielet kandidat bl-akbar ammont ta’ voti tal-ewwel preferenza fil-kamp nazzjonalista. Kiseb kważi elf vot aktar minn Comodini Cachia, li eventwalment ħadet it-tielet siġġu. Sfortunatament, il-fatt li kien mniżżel fl-aħħar tal-lista kien ta’ żvantaġġ għalih biex kif fil-fatt ġara ġie maqbuż minn Comodini Cachia waqt il-wirt ta’ Ray Bugeja.
Ray Bugeja
Tmint elef vot fid-debutt elettorali tiegħu… mhux ħażin. Ovvjament kiseb ammont (sostanzjali) minnhom minn dawk li vvutaw għall-Partit Nazzjonalista minn fuq għal isfel. Nistennew u naraw x’se jkun il-pass li jmiss fil-politika ta’ Bugeja wara li prova jsir kap tal-partit tnax-il xahar biss ilu.
Lino Bianco
Għal Bianco l-kampanja elettorali iktar kienet kwistjoni li jassigura ammont ta’ voti lejn il-kamp laburista, peress li wara l-elezzjoni kien ġa lest biex jibda fil-kariga ġdida ta’ ambaxxatur. Bħal Bugeja, ġab ammont sostanzjali mid-donkey voting. Iżda donkey voting jew le, ġab 7,000 vot tal-ewwel preferenza li jfisser riżultat pożittiv għad-debuttant.
Norman Vella
Vella kellu l-vantaġġ li għal xi żmien kien preżentatur fuq l-istazzjon nazzjonali, u b’hekk in-nies setgħu jagħrfuh aktar. Fin-nuqqas ta’ kandidat li kien qed ikun favorit għat-tielet siġġu Nazzjonalista, Vella seta kiseb riżultat ħafna aktar sodisfaċenti għalih. L-espressjoni tiegħu waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ftit wara t-telfa jixhed dan.
Charlon Gouder
Charlon Gouder qisu n-Norman Vella tal-Laburisti: eks-ġurnalist u militanti, iktar kien jappella għall-għeruq tal-partit. Żgur li kien jaspira li jimxi fuq il-passi ta’ Muscat u minn ġurnalist imur Brussell. 6,700 vot għal xi ħadd li ħadem qatigħ fl-aħħar ġimgħat narah diżappunt.
Imperium Europa
Riżultat pożittiv għall-partit ta’ Norman Lowell, riżultat inkwetanti għall-bqija tal-elettorat. 6,700 votant iddeċieda li jagħti l-ewwel preferenza tiegħu lil dan il-partit tal-lemin estrem. Ċert, jew għall-inqas nittama, li dawn il-votanti ma vvutawx għalihom fuq il-prinċipji tal-partit estrem li fost l-oħrajn jemmen f’abort obbligatorju għal trabi li jitwieldu bi bżonnijiet speċjali.
Deborah Schembri
Kandidat bħal Deborah Schembri għandha ġġib ħafna aktar minn sitt elef vot. Kif ġara fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Schembri tidher li tbati mhux ħażin meta tikkontesta elezzjoni. Dan minkejja li l-argumenti u l-politika tagħha dejjem jintlaqgħu b’mod pożittiv anke minn dawk li mhumiex tal-istess twemmin politiku.
Arnold Cassola
Fuq naħa, wieħed jista jargumenta li l-voti tal-AD żdiedu b’madwar 30% meta kkumparat ma’ ħames snin ilu. Iżda min-naħa l-oħra, hemm il-fehma li l-AD setgħat marret aħjar. Probabbli salvat il-futur tal-partit bil-fatt li għall-inqas ikkonfermat il-pożizzjoni tat-tielet partit, u li anke waqt il-wirt Arnold Cassola baqa’ iktar ‘popolari’ mit-theddida ta’ Norman Lowell.
Stefano Mallia
Żgur li l-Partit Nazzjonalista kellu aspettattivi aktar għoljin għal Stefano Mallia, li kien diġà kiseb isem għalih fid-dinja tan-negozju. Il-kandidatura tiegħu kienet parti minn strateġija tal-PN biex turi li l-PN kien qed jiġġedded. B’5,600 vot għal Mallia u telfa elettorali bħal dik għall-Partit Nazzjonalista turi li l-istrateġija ma kinitx konvinċenti.
Kevin Cutajar
Ħadd ma stenna li Cutajar kien se jġib eluf kbar ta’ voti. Iżda Cutajar ma ġiex promoss meta tilef ‘il-ġlieda’ ma’ Clint Camilleri għall-voti tal-Għawdxin. Filwaqt li mit-tlettax-il distrett il-kandidat Laburista ġab 6,600 vot, Kevin Cutajar ġab madwar 3,800. Dan kien kruċjali biex il-Partit Laburista żamm il-maġġoranza ta’ voti f’Għawdex.
Helga Ellul
Il-kampanja elettorali tagħha qatt ma ħadet ir-ruħ minħabba l-barriera tal-lingwa. L-unika vantaġġ li kellha seta’ jkun li attirat numru ta’ floaters u negozjanti lejn il-Partit Nazzjonalista, iżda t-total ta’ inqas minn 3,000 vot tal-ewwel preferenza juru li jekk dan kien il-każ, m’attiratx biżżejjed.
Jonathan Shaw
Ftit sigħat qabel it-tmiem tal-kampanja elettorali, fuq il-paġna ta’ Facebook Shaw ammetta li mhux se tkun faċli. Ma setax ikun aktar korrett. Kuntrarju għall-kandidati l-oħra li ġabu numru żgħir ta’ voti, Shaw kellu kampanja aktar attiva iżda għal xi raġuni l-kandidatura tiegħu ma ntlaqatx tajjeb, bi ftit aktar minn elfejn vot biss.
Ivan Grixti
Kienet ċara mill-bidu li ma kienx se jissorprendi fl-ammont ta’ voti, minkejja li kien beda jikkampanja fuq facebook diversi xhur qabel ma’ tħabbru l-ewwel ismijiet tal-kandidati Laburisti. Esperjenza tajba għalih personali iżda xejn aktar għall-Partit.
Mario Farrugia Borg
Min-naħa l-oħra Farrugia Borg kien mitlub mill-Prim Ministru biex jikkontesta. Kien mitlub jagħmel dan aktar biex jattira lejn il-partit faxxa partikolari ta’ nies jew minoritajiet. Ma nafux jekk l-1,300 vot kienux biżżejjed, iżda minn kull distrett qisu kiseb medja ta’ 65 vot bl-eċċezzjoni tas-sitt distrett (fejn joqgħod hu) fejn kiseb ħafna aktar.
Carmel Cacopardo
400 vot għall-kandidat tal-Alternattiva Demokratika qatt mhu riżultat ħażin, iżda l-mistoqsija tibqa’ jekk kinitx deċiżjoni tajba li l-AD toħroġ żewġ kandidati flok wieħed. Dan b’mod partikolari meta wieħed jista’ jqis li l-profil ta’ Cacopardo hu simili għal dak ta’ Arnold Cassola: kemm fl-età kif ukoll fit-tip ta’ politika.
Kevin Plumpton
Wara li serva bħala president taż-Żgħażagħ Nazzjonalisti għal diversi snin, il-partit ħaseb li jipproponih biex jiġbed lejh iż-żgħażagħ. Għalkemm dan jista’ jkun biss il-bidu f’karriera politika, li tiġi l-aħħar fil-kamp nazzjonalista żgur ma jistax ikun ta’ sodisfazzjon għall-ebda kandidat.
Tal-Ajkla
Ma jistax jitqies bħala partit politiku peress li hu one-man show. U hu propju dan: show biss. Għalhekk nirrifjuta li niġġudika l-performance tal-Ajkla. Is-sena l-oħra niżel tajjeb biex itaffi mit-tensjoni politika tal-Elezzjoni Ġenerali, imma issa naħseb li Żaren għandu jitħalla fil-kwiet. Fl-istess ħin, l-elf u mitejn vot li kiseb juri kemm parti mill-elettorat iddejjaq jisma’ dwar politika.
Peter Cordina
Kien l-unika kandidat li ma kellux preżenza fuq is-siti soċjali u ftit li xejn fuq il-midja. Minkejja dan, l-eks kap tal-Protezzjoni Ċivili xorta rnexxielu jikseb 870 vot tal-ewwel preferenza, li ġġiegħlni nagħżel il-kulur oranġo flok l-aħmar. Wara karriera twila ta’ suċċessi, f’Cordina spikkat l-umiltà, xi ħaġa mhux daqstant komuni fil-politika lokali. Forsi kienet din li attirat 870 vot?
Alleanza Bidla
Dan kien partit żgħir ġdid li ddebutta f’din l-elezzjoni. Immexxi min-neputi ta’ Dom Mintoff, dan il-partit kiseb ftit aktar minn elf vot tal-ewwel preferenza, u ftit inqas minn tal-Ajkla. Għalkemm id-diskors ewroxettiku tagħhom mhux dejjem kien intlaqà tajjeb, b’kuntrast ma’ partiti żgħar oħra l-loġika kienet hemm, għall-inqas.
Fleur Vella
Każ ieħor li juri li min għamel suċċess fin-negozju mhux bilfors postu fil-politika. Probabbilment kienet l-inqas kandidata magħrufa mit-32 kandidat. Żaren tal-Ajkla ġab id-doppju.
Alleanza Liberali
John Zammit l-ewwel, Jean Pierre Sammut issa. Li kieku kien partit organizzat u mhux amateur, kien ikun kapaċi jiġbed faxxa ta’ persuni li jikkunsidraw lilhom infushom Liberali. Iżda Zammit u Sammut iridu jdaħħlu f’moħħhom li t-twemmin li Kemmuna issir Ibiza u l-bajjiet tan-nudisti ma jagħmlukx Liberali. Hemm ħafna aktar minn hekk.