X’jaħseb il-poplu fuq id-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil
minn Frederick Attard
Hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u l-konferma li l-Partit Laburista rnexxielu kważi jżomm l-istess distakk mill-Partit Nazzjonalista bħalma ġara fl-elezzjoni ġenerali tas-sena li għaddiet, ħafna kienu dawk li bdew jesprimu l-fehmiet tagħhom fuq il-mezzi tal-media soċjali. Iktar ukoll hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar l-intenzjoni tiegħu li mhux ser jabbanduna l-partit u li se jżomm il-kariga tiegħu bħala Kap. Il-kummenti kienu ħafna u varji, min favur u minn assolutament kontra li Busuttil għandu jibqa’ fit-tmexxija.
Fiċ-ċirkostanzi tal-ħafna kummenti li kienu qed jingħadu, ILLUM ħa l-kummenti permezz tal-istess media soċjali billi ppreżenta din id-domanda lil numru ta’ nies: Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li mhux se jirriżenja għaliex jekk jagħmel hekk issir iżjed ħsara. Insista li din tkun l-eħfef deċiżjoni imma min għandu l-kuraġġ u jħobb lill-Partit Nazzjonalista minflok għandu jibqa’ u jaħdem. X’inhuma l-kummenti tiegħek?
Dawn huma wħud mill-kummenti li waslulna.
Ray Buttigieg
F’każ bħal dan huwa naqra diffiċli biex tasal għal xi tip ta’ konklużjoni. Dan peress li fuq naħa għandek il-fatt magħruf li ma tantx għadda żmien mill-aħħar elezzjoni biex wieħed jagħmel verdett ċar fuq il-ħila ta’ Simon Busuttil u fuq in-naħa l-oħra hemm is-sentiment popolari li ma tantx jidher li hemm ħafna simpatija lejn il-kariżma ta’ Busuttil. Jien naħseb li kif baqa’ 4 snin għall-elezzjoni l-aħjar deċiżjoni strateġikament hi li l-PN jibdlu l-kap.
Johann Hili
Naħseb li Simon Busuttil għandu jagħti ċans li xi ħadd ieħor jieħu r-riedni f’idejh.
Paul Gauci
Fl-opinjoni tiegħi Simon Busuttil mhux qed jirrealizza li din l-elezzjoni kienet telfa personali għalih għax il-PN naqas minn 43.3% ta’ sena ilu għal 40.1% din is-sena.
Jonathan Spagnol
Ovvjament għalissa Simon Busuttil mhux se jirreżenja għax jekk jagħmel hekk, anke l-partit jaqa’ għaż-żufjett. Mario de Marco aħjar minnu bħala leader tal-PN u l-biċċa l-kbira tan-Nazzjonalisti hekk jaħsbu.
B. Psaila
Naħseb il-Partit Laburista jinsab kuntentissimu bid-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil għax f’sena ma’ bidel xejn. Oppożizzjoni dgħajfa. Il-Partit Nazzjonalista mhux nies ta’ kuraġġ u min iħobbu għandu bżonn iżda nies li huma lesti jerġgħu jafdawh fil-gvern.
Vanessa Farrugia
The sooner he goes the better.
Paul Grech
Jiena naħseb li fiċ-ċirkostanzi l-aħjar ħaġa li jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil huwa li ma jassumix ir-responsabbiltà kollha waħdu u jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista biex imur għal vot ta’ fiduċja mill-kunsilliera u t-tesserati tal-partit.
Christian Attard
Jien fil-fehma tiegħi għandha terġa’ ssir elezzjoni oħra interna fil-partit biex jivvutaw għal kap ġdid però jinkludu t-tesserati kollha fil-votazzjoni.
Ivan Consiglio
Hija sfortuna kbira hawn Malta li s-serjetà u responsabilità ta’ bosta li jinbsabu f’ħatriet jew pożizzjonijiet pubbliċi, u li huma suġġetti għall-iskrutinju tal-poplu m’għandhomx farka ta’ etika, kuxjenza, maturità jew moralità li jirriżenjaw meta hemm bżonn, abbażi tal-imġiba sewwa jew nuqqas ta’ performance adegwata għal dak li suppost irendu!
Li tibqa’ marbut ma’ pożizzjoni, siegħa jekk ta’ poter, influwenza jew oltre, hija diżgustanti u tidħak f’wiċċ in-nies li kienu juruk l-appoġġ, u anki lil dawk li jridu aktar azzjonijiet ta’ ġid wiesa’ aktar minn ambizzjonijiet jew piki personali. Wieħed hawn mhux ser issemmi lil xi Nixon, imma nsemmi lil Lord Carrington li tefa’ r-riżenja tiegħu minn Ministru fil-gvern ta’ Thatcher hekk kif l-Arġentina invadiet il-gżejjer Falklands! Alla jbierek hawn Malta trid taqa’ kewkba jew jinbidel il-gvern biex jitqaċċtu l-irjus!
Mario Fleri Soler
Jiena għalija għandu jisejjaħ kunsill b’urġenza fejn Simon Busuttil jitlob vot ta’ fiduċja mingħand in-nies tiegħu. Għandu punt milli qed jgħid imma l-fatt li l-PN baqa’ fejn kien f’sena, jekk mhux agħar, huwa messaġġ ukoll mill-poplu.
Christian Bonnici
Taħt ċirkostanzi normali wieħed jibbaża l-kejl tas-suċċess ta’ mexxej politiku fuq il-performance elettorali. Dan x’ aktarx, ma jistax isir f’dan il-każ, minħabba l-fatt li l-PN kellu sena waħda biss biex jirkupra minn telfa elettorali drammatika. Jekk il-kontribuzzjoni ta’ Dr Busuttil lill-PN hija verament immotivata minn rieda tajba, u biex il-poplu Malti jingħata għażla ġusta kif huwa mistħoqq f’kull demokrazija soda, Dr Busuttil għandu jkompli jaħdem fil-kariga ta’ mexxej, flimkien mal-kumplament tal-amministrazjoni Nazzjonalista, minn tal-inqas sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Malcolm Seychell
Simon Busuttil fassal il-manifest elettorali u kien viċi kap f’waħda mill-akbar telfiet li qatt ġarrab il-Partit Nazzjonalista. Bl-arroganza kollha laħaq kap. Issa reġa’ tilef elezzjoni oħra u d-distakk bejn il-PN u l-PL kompla kiber. L-iktar ħaġa responsabbli wara tkaxkira bħal din tkun li toffri riżenja. Simon Busuttil qed jirrepeti dak li kien għamel Alfred Sant fil-kamp laburista. Jiġifieri jibqgħu jisfidaw lill-poplu avolja l-poplu ma jkunx iridhom imexxu. Illum il-PN huwa l-partit tal-le. Partit bla ideat u prinċipji. Għandu fi ħdanu elementi ta’ estremisti tal-lemin fejn jidħol reliġjon u drittijiet ċivili, u għandu wkol fi ħdanu xellugin estremi li jemmnu f’Malta li għandha taċċetta kull min jiġi fostna. B’Simon Busuttil se jgawdi biss il-Partit Laburista
G. Degiorgio
Nemmen li għandu jirreżenja. Il-voti huma ċari. Ma kiseb ebda fiduċja tal-poplu. Kliemu huwa diviżiv u mhux ta’ għaqda.
Rudolph Grima
Naħseb għadu kmieni biex wieħed isejjaħ għal riżenji. L-elezzjoni ġenerali ilha sena biss u r-riżultat bħal dak tas-sena l-oħra jkun kważi impossibbli ddawru wara sena. Però jiena nemmen li għandha tinbidel radikalment l-istrateġija ġenerali tal-PN.
Bjorn Azzopardi
Simon Busuttil akkwista t-tielet siġġu u laħaq l-għan tiegħu, għalkemm ħafna jaħsbu li dan kien għan ovju mal-għadd tal-voti ma baqax daqstant ovju. Naħseb din l-elezzjoni bagħtet messaġġ ċar lill-PN li għalkemm inbidel il-Kap u l-istatut biex inħatru żewġ viċi kapijiet, mhux neċessarjament bidel il-mod ta’ kif issir il-politika u l-istrateġija u l-politika tiegħu xorta m’appellatx għal ħafna nies. Naħseb li tirriżenjax jew le t-tmexxija se tiġi diskussa internament, għaliex irrelevanti mid-diskors li ntqal nemmen li f’azzjonijiet partikolari anke internament żgur qed jistaqsu ċerti mistoqsijiet dwar is-sena fit-tmexxija. Nemmen li l-akbar għadma iebsa li għandu l-PN hi li qabel jibda jattakka lil dan il-gvern b’issues li hu għamel bħalhom u agħar minnhom, jagħmel analiżi interna u jara kif se jibbilanċja bejn l-element qawwi konservattiv u l-element liberali fi ħdanu.
Charles Selvaggi
Naqbel perfettament mal-kliem ġenwin ta’ Simon. L-eħfef deċiżjoni kienet tkun dik li jirreżenja u jfarfar mir-responsabbilità. Meta ħa d-deċiżjoni tiegħu li jsir kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon kien jaf li din ma kinitx se tkun triq faċli u f’din id-deċiżjoni tiegħu huwa ċeda ħafna minn dak li kellu. Żgur li kienet tkun eħfef għalih li jibqa’ bħala wieħed mill-MEPs fejn jirrapreżenta lill-pajjiżna fl-Unjoni Ewropea filwaqt li jaqla’ salarju tajjeb. Iżda madankollu kien jaf li l-partit kellu bżonnu u għażel din it-triq. Meta Simon ġie elett bħala l-kap tal-Partit Nazzjonalista, nemmen li kien jaf li ma kienet se tkun xejn faċli li jirkupra 36,000 vot fi żmien ħames snin. Barra minn hekk, meta kien għadu deputat mexxej ta’ dan l-istess partit, kien jidher ċar ukoll li l-Partit Nazzjonalista kienu ser jitilfu l-elezzjoni ta’ Marzu 2013. Dan ma żammx lil Simon milli jieħu l-irwol tiegħu bħala mexxej tal-partit, iżda wera kemm huwa verament iħobb lill-partit tiegħu, fejn issagrifika l-karriera tiegħu fl-Unjoni Ewropea sabiex jgħin lill-Partit Nazzjonalista f’dan iż-żmien iebes. Għalhekk dawk li qegħdin jistennew jew jippretendu li Simon għandu jirreżenja wara din it-telfa huwa żbaljat. Iż-żmien jagħtina parir u għalhekk dak li huwa importanti f’dan iż-żmien huwa li tinżamm l-għaqda bejn il-membri tal-partit, filwaqt li nuru sapport lejn il-mexxej tagħna.
Marielou Mifsud
Naqbel mad-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil!
Christopher Farrugia
Inħoss li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Amministrazzjoni tal-PN għandhom jieħdu rendikont tar-riżultat miksub fl-aħħar elezzjoni. Jidher ċar li l-PN għandu bżonn strateġija ġdida u li tkun qrib il-poplu. Iridu jitwarrbu modi u ideat fossilizzati mingħajr ma jiġu ssagrifikati l-prinċipji li jsawwru l-PN. Is-sehem tal-membri jrid jinħass u jkun hemm komunikazzjoni aktar wiesa’ u ħolistika fost il-membri. Ħafna kienu dawk li ħassew li l-Onor Simon Busuttil kien ser iġib żiffa friska fil-PN meta laħaq kap. S’issa d-diżappunt ġie manifestat bir-riżultat miksub fl-elezzjoni tal-PE. Malta għandu jkollha oppożizzjoni denja li mhux tipprova tiskredita l-individwu imma li tnebbaħ l-ideat u tagħti modi u viżjonijiet alternattivi li ma jkunux distruttivi. Wieħed jispera li dawn ix-xhur li l-Onor Dr Simon Busuttil kien Kap tal-Oppożizzjoni tgħallem u xtarr il-fatti kollha. Iridu jittieħdu deċiżjonijiet ibsin. Il-poplu Malti mhux poplu injorant u wieħed jistenna li jara lil Dr Busuttil joħroġ mill-qoxra li donnu poġġewh fiha sabiex joħroġ il-potenzjal veru tiegħu. Li jkollok oppożizzjoni serja, huwa importanti wkoll għall-Gvern tal-ġurnata għax nemmen li jistgħu jittieħdu l-aħjar ideat li fl-aħħar mill-aħħar jiggwadanja minnhom il-pajjiż.