F’konferenza fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin ħa jibda jiffunzjona d-dipartiment il-ġdid tal-Gastroenteroloġija u Immunoloġija.
“Dan id-dipartiment ġdid, flimkien mad-Dipartimenti tal-Kirurġija u r-Radjoloġija ser ikunu qed joffru servizzi ħolistiċi. Dan huwa investiment fir-riżors uman li flimkien ma’ investimenti oħra fit-tagħmir u fl-infrastruttura, ħa jirriżulta f’kura aħjar għall-pazjenti f’Malta u Għawdex,” qal il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Il-Ministru Abela spjega kif dan id-dipartiment ħa jkun qed jiffoka fuq mard tas-sistema diġestiva, b’mod speċjali kundizzjonijiet infjammatorji. Żied jgħid li dawn il-kundizzjonijiet jeħtieġu aktar kura speċjalizzata u ffukata u li dipartiment speċifikat ħa jkun jista’ joffri trattament modern u siewi.
Il-parti immunoloġika ta’ dan id-dipartiment, ħa tinvestiga u titratta d-diversi kundizzjonijiet allerġiċi li eluf ta’ persuni jbatu bihom f’pajjiżna.
Il-Ministru Abela semma kif dan id-dipartiment ħa jkun jista’ joffri iżjed proċeduri u tratamenti relatati mal-iscreening għal felul u kanċer tal-musrana. Dan il-pass ħa jkun qed jgħin biex iżjed nies ikunu eleġibbli għal dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, l-ispeċjalisti fil-gastroenteroloġija ħa jkunu qed joffru wkoll servizz t’ emerġenza biex jiġu trattati pazjenti b’emorraġija interna.
Hu żied jgħid kif dan id-dipartiment ġdid huwa parti mir-riformi li qed jimmodernizzaw is-servizzi mediċi f’Malta.