Silvio Schembri jinħeles mill-akkużi li kisser l-etika

Il-Kummissarju tal-Istandards ma jsibx biżżejjed evidenza kontra Silvio Schembri

Il-Kummissarju tal-Istandards ikkonkluda li m’hemmx biżżejjed evidenza li turi li l-Ministru Silvio Schembri kiser l-etika meta bgħat ħaddiema tal-gvern fil-uffiċini distrettwali tiegħu.

Il-ksur fil-Kodiċi Ministerjali tal-Etika kienet rigward jekk dawn il-ħaddiema, li jitħallsu mit-taxxi tan-nies, kienux qed jagħmlu xogħol partiġjan għal-Ministru.

L-investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Istandards Joseph Azzopardi bdiet wara li Arnold Cassola, ċ-Chairperson tal-Partit Momentum, u Robert Aquilina, li dak iż-żmien kien il-president tal-għaqda Repubblika, kitbu l-uffiċju tal-Kummissarju.

Meta saret Domanda Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalist Rebekah Borg lil Schembri, hu qal li kienet parti mill-irwol tas-segretarjat tiegħu sabiex “jibqgħu qalb in-nies.”

Fl-istqarrija tal-Kummissarju, Schembri qal li dawn id-drabi fejn il-ħaddiema maru jagħmlu xogħol ta’ kostitwenza kien rari, volontarju u wara l-ħin tax-xogħol.

“Madankollu, biex [nikkonkludi] li kien hemm ksur ta’ etika minkejja din ix-xhieda ġuramentata, [għandi] bżonn evidenza li turi li l-Ministru Schembri qabbad membri tas-segretarjat jew impjegati fil-ministeru tiegħu biex iservu fl-uffiċju tal-kostitwenza tiegħu regolarment bħala parti minn xogħolhom,” qal il-Kummissarju.

Tliet ħaddiema mis-segretarja taw xhieda waqt l-investigazzjoni u kkonfermaw li dan ix-xogħol kien volontarju u wara l-ħin tax-xogħol. Il-Kummissarju nnota xi diskrepanza bejn dawk li qalu l-ħaddiema u dak li qal il-Ministru.

Is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol ukoll ikkontribwixxa, fejn qal li l-ħaddiema tal-ministru jistgħu jgħinu b’affarijiet ta’ kostitwenza hekk kif dmirjiethom jinkludu “koordinazzjoni ta’ djarju u korrispondenza fuq affarijiet ta’ kostitwenza.”

Il-każ ingħalaq bla ebda azzjoni formali rrakomandata.

More in Politika