Ir-residenti taż-Żurrieq joħorġu stqarrija jikkorreġu lil Ministru tal-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi fir-risposta tiegħu lill-istess grupp. Fl-istess stqarrija, huma jistiednu lill-ministru sabiex jintaqgħa magħhom fuq is-sit tal-Bebbux.
Fl-istqarrija, ir-residenti flimkien mal-għaqdiet għamluha ċara li huma qatt m’akkużaw lil ministru li biddel il-pożizzjoni tiegħu fuq il-kwistjoni. Huma affermaw li l-istqarrija preċedenti tagħhom qalet li l-istess ministru ta l-impressjoni li l-proġett kien ġie mwaqqaf qabel il-konferenza stampa tagħhom f’Ġunju tas-sena l-oħra.
“Il-fatt li Zrinzo Azzopardi qed jinsisti li l-art mhux se tinbiegħ lill-privat huwa logħob bil-kliem; il-bdiewa xorta se jitilfu arthom u meded kbar ta’ ODZ se jiġu żviluppati xorta waħda għall-benefiċċju tal-privat.”
L-istqarrija tkompli, tgħid li l-Kunsill Lokali qatt ma rtira l-oġġezzjoni tiegħu għal dan il-permess, wara li l-ministeru qal li tkellem mal-kunsill li wassal għall reviżjoni tal-pjanti.
Il-ġemgħa tgħid li l-kunċett t’ “użu kounitarju” ħa twassal sabiex għelieqi jiġu mifruda bl-infrastruttura neċessarja għal-użu propost. Huma qalu li dan sar propost għaliex il-liġi tippermetti bini t’użu komunitarju f’ODZ, u b’din il-proposta l-ODZ issir art żviluppabbli.
Barra minn hekk, huma jaċċennaw li l-gvern għadu ma ta l-ebda idea ta’ x’ħa jkun dan l-użu komunitarjua, li kaġun tiegħu għandhom jinqerdu l-għelieqi.
Numru ta’ residenti kkonfermaw li l-ministeru beda jieħu ritratti mill-ajru sabiex jipprova jafferma li l-art mhux qiegħda tinħadem, għall-kontrarju li qalu l-bdiewa. Huma qalu li biex tkun taf jekk l-art hijiet tajba, ir-ritratti jridu jinġibdu waqt il-ħsad.
Huma jakkużaw lill-gvern li qeiegħed ibidel pjanijiet f’parti ta’ Malta sabiex jippermetti iżjed żvilupp waqt li jevita jemenda dawk taż-Żurrieq sabiex titnaqqas il-konġestjoni. Skonthom, dan ħa jwassal għall-overpopulation riżultat tal-ammont ta’ residenzi ġodda. “Li l-Local Plans ma jistgħux jinbidlu hija, appuntu, gidba.”
L-istqarrija tagħmel referenza għall-oġġezzjoni tar-Residenti taż-Żurrieq għal proposta ta’ bini ta’ ħanut f’ODZ ftit bogħod miż-żona tal-Bebbux. Huma enfasizaw il-problema tal-urban sprawl, fejn il-konfini ta’ bejn l-irħula jisfaxxaw riżultat ta’ żvilupp bla rażan.
Huma kkonkludew billi qalu li huma mhumiex qed jattakaw lill-ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, din hija kritika u oppożizzjoni fuq il-proġett. “Il-ħasra hija li deputat elett mid-distrett tagħna qed jinsisti li jiddefendi l-iżvilupp, u saħansitra jipprova jgiddeb lill-bdiewa u r-residenti.”
Ir-Residenti taż-Żurrieq u l-għaqda Il-Kollettiv tistieden lill-ministru sabiex jintaqa magħhom fuq is-sit tal-Bebbux, u jispjega lill-bdiewa għaliex il-proġett għandu jsir fuq dik is-sit.