Aġġornament 12:31: miżjuda r-reazzjoni tal-Ministru Byron Camilleri
d-deċiżjoni riċenti tal-Gvern li jaħtar lil Leonid McKay, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, bħala membru fil-bord ta’ JobsPlus ġabet magħha kritika qawwija mill-Oppożizzjoni, li qiegħda tfakkar fil-bżonn li l-istituzzjonijiet pubbliċi jibqgħu separati miċ-ċentri politiċi tal-poter.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li din il-ħatra hija manuvra politika perikoluża, għax qed tagħti lil persuna fil-quċċata tal-amministrazzjoni ta’ partit politiku aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar l-impjiegi u informazzjoni soċjali li tista’, skont l-Oppożizzjoni, tintuża għal finijiet partiġġjani.
"Wieħed jistaqsi kif minn daqs dawk persuni kkwalifikati li għandna f’pajjiżna, il-Gvern ħass li l-aktar wieħed kapaċi għal din il-kariga kien il-Kap Eżekuttiv tal-Labour," qalu Claudette Buttigieg, Ivan J. Bartolo, u Ivan Castillo.
L-Oppożizzjoni qalet ukoll li l-preżenza ta’ McKay fuq bord bħal dan tista’ twassal għal kunflitt serju ta’ interess u jdgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet.
L-Oppożizzjoni temmet billi qalet li dan huwa "Gvern li bil-kiem kien wiegħed il-meritokrazija, [imma] bil-fatti qed juri x’jemmen verament."
Reazzjoni tal-Ministru Byron Camilleri
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri rreaġixxa għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista fejn qed jallega li l-Oppożizzjoni jattakkaw "il-ħatra sempliċiment għax Laburist."
"Nemmen li l-esperjenza ta’ McKay fit-tmexxija pubblika u fis-soċjal huma mitqlu deheb għal dan il-bord. Iżda, għall-Partit Nazzjonalista dik l-esperjenza narmuha fiż-żibel għax McKay Laburist," żied jgħid il-Ministru.
Camilleri temm billi jgħid li b'din il-ħatra, il-gvern ħa jkompli jibni fuq is-suċċessi ġa miksuba mill-JobsPlus.