L-iżviluppatur Michael Stivala tilef il-kawża ta’ libell li kien fetaħ tliet snin ilu kontra ċ-Chairperson tal-Partit Momentum, Arnold Cassola.
Stivala fetaħ il-libell għax, skont il-Momentum, "l-integrità tiegħu kienet attakkata" wara li Cassola kiteb li l-iżviluppatur impjega lil eks Prim Ministru ta' Malta Joseph Muscat bħala konsulent sabiex jirringrazzjah "tal-illegalitajiet li l-kumpaniji ta’ Stivala tħallew jagħmlu meta Muscat kien Prim Ministru."
Il-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello, iddeċidiet kontra l-argument ta’ Stivala.
Stivala pprova wkoll jargumenta li dak li kiteb Cassola fuq Facebook fl-4 ta’ Novembru 2022 kienu kkawżaw tnaqqis ta’ miljuni ta’ ewro fil-valur tal-ishma u bonds tal-kumpaniji tiegħu.
Iżda Cassola argumenta b’suċċess li dak li wassal għal dan it-tnaqqis ma kinux il-posts tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2022, iżda r-rivelazzjoni li kienet saret fit-30 ta’ Ottubru 2022 li Stivala kien impjega lil Muscat bħala konsulent. Fl-2019, Muscat rebaħ il-“premju” mill-OCCRP (Organised Crime and Corruption Reporting Project) tal-“politiku korrott tas-sena”.
L-avukati Eve Borg Costanzi u Matthew Cutajar irrappreżentaw lil Cassola. L-avukat Vincent Galea – li hu wkoll l-avukat ta’ Joseph Muscat f’każijiet oħra – irrappreżenta lil Michael Stivala.