Kien hemm 21,203 vettura rreġistrata fl-2024, skont tagħrif li ħareġ mill-Parlament.
Dan in-numru jirrappreżenta tnaqqis mis-sena ta’ qabel, fejn kien hemm 24,403 vettura rreġistrata. Iżda dan it-tnaqqis ġie minħabba l-fatt li inqas barranin irreġistraw vetturi ġodda. In-numru ta’ vetturi rreġistrati minn Maltin baqa’ bejn wieħed u ieħor stabbli mill-2023 għall-2024.
Dil-informazzjoni ttieħdet minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett.
Fil-mistqosija tiegħu, Sammut talab lill-Ministru biex “jgħid kemm ġew irreġistrati vetturi kull sena bejn l-2018 u l-2024” u biex dil-informazzjoni tinqasam skont in-nazzjonalità tas-sid, partikolarment jekk is-sidien humiex Maltin, mill-Unjoni Ewropea, jew barra mill-Unjoni Ewropea.
Bonett wieġeb billi pprovda l-informazzjoni mitluba iżda żied jgħid li “mhux possibbli nifirdu l-ammont ta’ sidien ta’ nazzjonalità fl-Unjoni Ewropea minn dawk ta’ pajjiżi oħra barra l-Unjoni Ewropea, billi din l-informazzjoni ma tinġabarx fil-proċess tar-reġistrazzjoni tal-vetturi.”
Vetturi rreġistrati u liċenzjati matul is-snin
Miċ-ċifri li ta l-Minisru, jidher li s-sena rekord kienet is-sena 2019, fejn b’kollox kien hemm irreġistrati 27,238 vettura ġdida, 24,283 mill-Maltin u 2,955 mill-barranin.
Dan huwa biss tnaqqis ċkejken mis-sena ta’ qabel, jiġifieri mill-2018, fejn b’kollox kien hemm irreġistrati 27,124 vettura ġdida, 23,953 mill-Maltin u 3,171 mill-barranin.
Naturalment, fis-snin segwenti, kien hemm tnaqqis fir-reġistrazzjoni ta’ vetturi minħabba l-epidemija tal-COVID. Iżda xorta waħda n-numru ta’ vetturi rreġistrati ma naqasx b’ammont drastiku.
Fil-fatt, fl-2020, is-sena li l-COVID ġiet Malta, kien hemm tnaqqis ta’ ftit inqas minn 7,000 — 6,929 biex inkunu preċiżi. B’kollox kien hemm 20,309 vettura ġdida rreġistrata; 17,651 mill-Maltin u 2,658 mill-barranin. Dan jiġifieri l-maġġoranza tat-tnaqqis ġie min-naħa tal-Maltin.
Fl-2021 ir-rata ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess, hekk kif kien hemm total ta’ 20,968 vettura rreġistrata; 17,229 mill-Maltin u 3,739 mill-barranin. Dan ifisser li iktar barranin u inqas Maltin irreġistraw vetturi.
Is-sentejn ta’ wara raw żieda sostanzjali fin-numru ta’ vetturi rreġistrati, b’total ta’ 22,934 fl-2022 u total ta’ 24,403 fl-2023.
Fl-2022, 17,592 vettura ġew irreġistrati mill-Maltin u 5,342 mill-barranin — jiġifieri kien hemm żieda, kemm mill-Maltin, kif ukoll mill-barranin, b’żieda proporzjonalment ikbar min-naħa tal-barranin.
Imbagħad fl-2023, kien hemm żieda miż-żewġ kategoriji wkoll, hekk kif 18,853 vettura ġew irreġistrati mill-Maltin u 5,550 mill-barranin.
Fl-aħħar, fl-2024 kien hemm 18,244 vettura rreġistrati mill-Maltin u 2,959 mill-barranin, biex jilħqu total ta’ 21,203.
Iktar liċenzji tas-sewqan mogħtija lil ċittadini barra mill-Unjoni Ewropea milli lill-Ewropej
Minn mistoqsijiet parlamentari separati magħmula lill-istess Ministru, iżda did-darba mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Charles Azzopardi, joħroġ illi kien hemm iktar liċenzji tas-sewqan mogħtija lin-nies barra mill-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, skont il-Ministru Bonett, mill-2019 sal-ewwel xahrejn tal-2024 kien hemm 11,046 liċenzja mogħtija lil persuni li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea u 5,837 lill-persuni li ġejjin mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Iżda, qal Bonett, “ta’ min wieħed jinnota li mis-sena 2020 ’il quddiem, l-istatus taċ-ċittadini Brittaniċi nbidel mill-UE għal pajjiżi terzi.”