Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista ħareġ album tal-istickers li minflok juru dawk li se jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja, juru “200 persuna li qed jiffangaw minn ħatriet politiċi.”
Iżda ħarsa mill-qrib lejn il-protagonisti turi li kieku albums simili ħarġu fil-passat, ċertu persuni li dehru fl-album imniedi minn Beppe Fenech Adami kienu jkunu preżenti wkoll fl-albums tal-passat.
Din il-gazzetta tista’ tiżvela li numru ta’ persuni kienu saħansitra nħatru fuq bordijiet differenti mill-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti matul iż-żmien.
Fost l-oħrajn, fl-album il-Partit Nazzjonalista jattakka lill-aħwa Simon u Yana Micallef Stafrace li jservu ta’ uffiċjali għall-assistenza legali, iżda jonqsu milli jgħidu li dawn kienu diġà jservu f’dan ir-rwol fl-aħħar sentejn tal-leġislatura Nazzjonalista (2012 u 2013).
Hemm numru ta’ persuni oħra li l-PN jattakka bħala ‘nies tal-qalba’ u li taħt il-Partit Nazzjonalista huma wkoll kellhom xi ħatra. Cher Engerer fl-2010 kienet diġà membru fil-bord tal-adozzjoni; Marisa Micallef Leyson kienet inħatret ċerpersin tal-awtorità tad-djar minbarra li kienet kandidata Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali.
Paul Bonello kien appuntat direttur tal-Air Malta bejn l-2006 u l-2010; Grace Borg kienet ċerpersin tal-bord tal-Malta Song qabel ma rriżenjat minħabba ndħil politiku f’kull deċiżjoni; Alfred Vella kien ilu fuq diversi bordijiet tal-gvern mill-2004 fosthom fil-bord tad-diretturi tal-MCST u ta’ Heritage Malta.
L-album jinkludi wkoll lil Benny Borg Bonello għax kien stratega tal-eks mexxej Laburista Alfred Sant, iżda jonqos milli jgħid li bejn l-2006 u l-2013 kien fil-Compensation Schemes Management, membru fil-bord tal-MCCAA bejn l-2011 u 2013 u membru fil-kunsill għall-affarijiet tal-konsumatur fl-2004.
Clyde Caruana, li ftit ilu kien maħtur bħala kap ġdid tal-ETC, taħt il-Partit Nazzjonalista kien diġà mlaħħaq fl-uffiċju nazzjonali tal-istatistika. Kenneth Zammit Tabona kien membru tat-Teatru Manoel bejn l-2011 u l-2012, filwaqt li Anthony Degiovanni kien inħatar direttur tal-edukazzjoni bejn l-2004 u l-2008.
L-album Nazzjonalista jiddedika paġna għall-għaxar persuni oħra sempliċiment għax huma kandidati Laburisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Fost dawn hemm Cyrus Engerer u Mario Farrugia Borg, eks kunsillieri Nazzjonalisti.
Hemm ukoll Peter Cordina u Marlene Mizzi, li taħt gvernijiet Nazzjonalisti kienu jservu bħala kap tal-Protezzjoni Ċivili u ċermen tas-Sea Malta rispettivament. Fl-album jintqal ukoll kif Mizzi kellha r-raġel tagħha li ħa promozzjoni, iżda jonqsu milli jgħidu li dan mhu ħadd ħlief l-Imħallef Antonio Mizzi li kien ilu maġistrat snin twal u dejjem inqabeż għal din il-pożizzjoni taħt il-PN.
Interessanti l-każ tal-eks deputat segretarju ġenerali tal-GWU Michael Parnis. Fl-album hemm imniżżel li nħatar fuq il-bord tal-Employment Relations… kariga li ilu jokkupa mill-2000 meta nħatar minn Lawrence Gonzi. Eventwalment hu kien ġie kkonfermat mill-ministri Nazzjonalisti Louis Galea, Dolores Cristina u Chris Said, u minn Helena Dalli fl-2013.
B’mod simili jsemmu wkoll lil Victor Carachi, President tal-GWU li hu membru tal-bord tal-OHSA li tikkonċerna s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Iżda l-album lanqas ma jsemmi li huwa bil-liġi li fuq dan il-bord ikun hemm rappreżentanza tal-unjins tal-ħaddiema, u b’hekk il-preżenza ta’ Carachi fuq dan il-bord hi ġustifikata.
Ċertu membri ta’ bord spiċċaw fil-mira tal-kritika Nazzjonalista sempliċiment għax huma qraba ta’ esponenti Laburisti, mingħajr ma ħadu inkonsiderazzjoni l-kompetenza tagħhom. F’dan il-kuntest jispikka Philip Sciberras, li fl-album hu deskritt biss bħala missier eks sindku Laburista mingħajr ma jsemmu li Sciberras hu eks-imħallef li kien appuntat mill-eks Ministru Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici.
Eżempji oħra jinkludu lil Reneè u Nestor Laiviera, it-tifla u n-neputi tal-eks deputat Nestru Laiviera; Michael Cohen għax jiġi l-kuġin ta’ Joe Mizzi; Marc Sant għax hu n-neputi ta’ Alfred Sant; Robert Abela għax iben George Abela u Lydia Abela għax il-mara ta’ Robert; u Veronique Dalli għax oħt il-kandidat Miriam Dalli fost oħrajn.
F’dan l-eżerċizzju ta’ propaganda għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-PN inkluda wkoll persuni li jokkupaw karigi ta’ fiduċja tal-gvern, minkejja li kif jixhed ir-rwol tagħhom dawn huma pożizzjonijiet sensittivi li jirrikjedu persuni li jemmnu fil-programm tal-gvern biex ikunu huma li jmexxuh. Fuq kollox kif kien jiġri taħt l-amministrazzjonijiet preċedenti, impjegati fis-segretarjat privati tal-ministri jkunu jridu jgawdu l-fiduċja tal-ministri minħabba l-kunfidenzjalità tax-xogħol.
Kollox ma’ kollox, l-idea tal-album kienet waħda innovattiva u friska iżda mhux kredibbli meta inkludiet persuni li anke taħt il-PN, skont l-argument tal-partit, “kienu jiffangaw għax tal-qalba.”