Ir-renumerazzjoni tal-MEPs

Is-salarju bażiku gross ta' kull xahar tal-MEPs hu ta' €8,020 u hu meħud mill-baġit tal-Parlament
Is-salarju bażiku gross ta' kull xahar tal-MEPs hu ta' €8,020 u hu meħud mill-baġit tal-Parlament

Hekk kif illum jibda l-proċess tal-għadd tal-voti sabiex inkunu nafu min huma s-sitt kandidati eletti li ser jirrappreżentaw lil Malta fil-Parlament Ewropew għall-ħames snin li ġejjin, ILLUM jagħti ħarsa lejn it-terminu u kundizzjonijiet li se jirċevu dawk magħżula minnha.

B’kollox matul din l-elezzjoni, ser jiġu eletti 766 Membru Parlamentari minn fost it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Fl-istati kollha l-età tal-votazzjoni hija ta’ 18-il sena, b’eċċezzjoni tal-Awstrija, fejn l-età hija ta’ 16-il sena.
Is-766 siġġu huma mqassma proporzjonalment skont il-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru. Malta għandha 6 siġġijiet.
Il-Membri tal-Parlament Ewropew jaqsmu l-ħin tagħhom bejn Brussell, Strasburgu u l-kostitwenzi tagħhom. Fi Brussell l-MEPs jattendu għal-laqgħat tal-kumitati parlamentari u tal-gruppi politiċi mentri fi Strasburgu huma jattendu għal 12-il seduta plenarja. Ma’ dawn l-attivitajiet huma jiddedikaw ukoll ħin għall-kostitwenzi tagħhom.
Fil-Parlament Ewropew il-Membri Parlamentari mhumiex miġbura skont in-nazzjonalità tagħhom iżda huma miġbura skont l-affinità politika li jħaddnu.
Il-Membri tal-Parlament Ewropew jirċievu salarju komuni għall-membri kollha li hu mħallas mill-baġit tal-UE. Huma obbligati li josservaw kodiċi ta’ kondotta komuni u li jonoraw l-prinċipji ta’ gwida tiegħu. Dan il-kodiċi jeżiġi li l-membri għandhom jaġixxu biss fl-interess pubbliku u li jwettqu ħidmiethom b’interess, integrità, trasparenza, diliġenza, onestà, responsabilità u rispett għar-reputazzjoni tal-Parlament.
Il-membri huma obbligati wkoll li jiddikjaraw l-attendenza tagħhom għal avvenimenti organizzati minn partijiet terzi meta r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u ta’ sussistenza tal-membri, jew il-ħlas dirett ta’ dawn l-ispejjeż, ikun kopert minn parti terza.
Il-membri jridu jiddikjaraw ukoll ir-rigali kollha li jirċievu meta jirrappreżentaw il-Parlament f’kariga uffiċjali. Tali rigali jitniżżlu fir-reġistru tar-rigali.
Kwalunkwe membru li jinsab ħati xi ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta jista’ jingħata piena mill-President tal-Parlament Ewropew.

Salarju tal-MEPs
Is-salarju bażiku gross ta’ kull xahar tal-MEPs hu ta’ €8,020. Is-salarju hu meħud mill-baġit tal-Parlament u hu taxxabbli. Is-salarju bażiku nett hu ta’ €6.250,37.
Huma jirċevu wkoll allokazzjoni ta’ €4,299 kull xahar fuq infiq ġenerali. Din l-allokazzjoni tkopri fost oħrajn, spejjeż għall-immaniġġjar tal-uffiċċju tagħhom, ħlasijiet tat-telefon u servizzi postali, u x-xiri, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ tagħmir tal-kompjuter u informatika.

Allokazzjoni tal-ivvjaġġar
L-MEPs jirċievu wkoll rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom biex jattendu għal-laqgħat fi Brussell u Strasburgu. Il-ħlas isir meta jippreżentaw l-irċevuti, sa massimu ta’ tariffa tal-ajru ‘business class’, tariffa tal-ferrovija ‘first class’ jew €0.50 għal kull kilometru ta’ vjaġġar bil-karozza, minbarra allokazzjonjijiet fissi bbażati fuq id-distanza u t-tul ta’ żmien tal-vjaġġ li jkopri l-ispejjeż l-oħra tal-ivvjaġġar (bħal pereżempju, in-nollijiet tal-motorways, l-ispejjeż ta’ piż eċċessiv tal-bagalji jew tal-ibbukkjar).
Ħafna laqgħat tal-Parlament Ewropew, bħas-sessjonijiet plenarji, laqgħat tal-kumitati u laqgħat tal-gruppi politiċi, isiru fi Brussell jew fi Strasburgu.
Il-membri ta’ spiss ikollhom jivvjaġġaw ukoll barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom biex jaqdu dmirijiethom għal raġunijiet differenti minn laqgħat uffiċjali (pereżempju, biex jattendu għal konferenza fi stat membru ieħor jew biex jagħmlu żjara ta’ xogħol f’pajjiż ieħor fil-kapaċità tagħhom bħala relaturi).
Biex ikopru din l-eventwalità, il-membri jistgħu jirċievu r-rimborż minn allokazzjoni tal-ivvjaġġar fissa ta’ kull sena għall-ivvjaġġar tagħhom, l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż assoċjati. Ir-rimborż isir fuq bażi tat-tariffa attwali tal-ajru jew tal-ferrovija u fuq preżentazzjoni tal-vawċers rilevanti tal-ivvjaġġar u tad-dokumenti neċessarji.
Għas-sena 2014, l-allokazzjoni hija fissa għal massimu ta’ €4,243.
Konċessjoni ta’ kuljum
Il-Parlament iħallas konċessjoni lill-MEPs li jkunu preżenti fuq xogħol uffiċjali b’rata fissa ta’ €304 kuljum. Dan il-ħlas isir għal kull firma tal-MEP fir-reġistru tal-attendenza li jikkonferma l-preżenza tagħhom.
Il-konċessjoni tkopri l-kontijiet tal-lukanda, l-ikliet u kwalunwe spejjeż oħra involuti. Din il-konċessjoni tinqata’ b’nofs jekk l-MEPs jitilfu iktar min-nofs il-votazzjonijiet b’sejħa tal-ismijiet fil-ġranet meta jseħħu l-voti fil-plenarja, anki jekk ikunu preżenti.
Għal laqgħat lil hinn mill-UE, il-konċessjoni hija ta’ €152 (għal darba oħra bil-kundizzjoni li jiġi ffirmat ir-reġistru) fejn il-kontijiet tal-lukanda jiġu rimborżati separatament.
L-MEPs jistgħu wkoll jagħżlu l-ħaddiema tagħhom skont baġit stabbilit mill-Parlament. L-assistenti akkreditati, ibbażati fi Brussell (jew il-Lussemburgu/Strasburgu) huma amministrati direttament mill-amministrazzjoni tal-Parlament, skont kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-istaff mhux permanenti tal-UE.
L-assistenti bbażati fl-istati membri tal-MEPs huma f’idejn aġenti tal-ħlas kwalifikati, li jiggarantulhom l-arranġamenti xierqa tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali.
Fl-2014, l-ammont massimu fix-xahar disponibbli għall-ispejjeż involuti hu ta’ €21,209 għal kull MEP. L-ebda wieħed minn dawn il-fondi ma huma mħallsa lill-MEPs infushom.
Sa kwart minn dan il-baġit jista’ jintuża għal servizzi minn fornituri ta’ servizzi magħżula mill-MEP, bħall-kummissjoni ta’ studju minn espert dwar suġġett partikolari.
B’mod ġenerali, l-MEPs huma pprojbiti milli jkollhom nies li jiġu minnhom impjegati fost il-ħaddiema tagħhom.

 

More in Politika