George Farrugia, il-persuna li ħa l-maħfra presidenzjali biex jikxef l-iskandlu ta’ kif kienu jittieħdu l-commissions biex jinxtara ż-żejt mill-Enemalta, għandu jikxef kull ma jaf jekk ma jridx jirriskja li titteħidlu l-maħfra.
Din it-twissija ġiet mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, li f’intervista mal-ILLUM qal li jissuspetta li Farrugia seta’ ma qalx dak kollu li jaf.
“Naħseb li George Farrugia ta informazzjoni importanti, iżda nissusspetta li seta’ ma qalx kollox. Naħseb li Farrugia jaf li jekk ma jgħidx kollox ikun qed jirriskja, għax dik tista’ twassal biex neħdulu l-proklama li ngħatatlu għal din ir-raġuni,” qal il-Ministru Owen Bonnici.
Mistoqsi jekk hux kuntent bil-progress li qed isir fuq din il-kwistjoni taż-żejt, Bonnici rrisponda fin-negattiv.
“Nixtieq li nara aktar. Irrid nagħmilha ċara li ma rridx li jsiru witch-hunts, imma iva nixtieq nara aktar riżultati. Dan hu l-appell tiegħi lill-Pulizija.”
F’Jannar li għadda, waqt li George Farrugia deher quddiem il-kumitat għal kontijiet pubbliċi, Owen Bonnici – li kien qed jagħmel ħafna mill-mistoqsijiet – kien qallu għal diversi drabi li ma kienx qed ikun kredibbli u li jekk ma jgħidx il-verità kollha kien qed jirriskja li titteħidlu l-proklama.
Fost l-oħrajn, Bonnici kien qal lil Farrugia li kien qed isemmi ċertu dettalji iżda “jinsa” dettalji oħra aktar kruċjali, fosthom dwar korrispondenza li Farrugia kien bagħat fl-2005.
F’din l-imejl, Farrugia kien talab lil persuna oħra biex tibgħatlu l-pagamenti dwar ‘il-ħaġa kbira’ jew inkella Farrugia kien isib ruħu fl-inkwiet. Minkejja t-ton iddisprat fl-imejl, quddiem Bonnici, Farrugia qal li nesa għalxiex kien qed jirreferi meta qal dan.