
€654,000 għall-persuna waħda fdata u viċin il-poter

Alan Camilleri mal-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech

Alan Camilleri
More in Politika
€654,000. Din hija l-ispiża li nefqu gvernijiet differenti Nazzjonalisti bejn l-1999 u l-2012 f’salarji, safar u perkaċċi oħra ta’ persuna waħda biss - l-eks kelliem tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-eks direttur tal-kumitat għall-bidla għall-ewro u l-eks ċermen tal-Malta Enterprise Alan Camilleri. Matul dawn is-snin is-salarju biss ta’ Camilleri żdied b’ħames darbiet.
Alan Camilleri ħadem għal snin sħaħ mill-qrib ħafna tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi tant li kien il-kelliem uffiċjali tiegħu kemm meta kien Ministru tal-Politika Soċjali kif ukoll meta kien Prim Ministru. Fil-fatt Camilleri beda jaħdem ma’ Lawrence Gonzi fl-1999 bħala uffiċjal tal-komunikazzjoni, meta Gonzi kien għadu Ministru tal-Politika Soċjali. F’dan iż-żmien Camilleri kellu salarju ta’ €13,700 fi skala 7 taċ-ċivil. Madankollu fl-2003 Camilleri ma baqax jidher bħala l-uffiċjal tal-komunikazzjoni ta’ Lawrence Gonzi u minflok beda jidher li huwa Information Management Officer fil-Ministeru tal-Politika Soċjali. L-ikbar differenza kienet li f’daqqa waħda Camilleri beda jitħallas fi skala 4 minflok fi skala 7 u s-salarju żdiedlu għal €24,000. Anki jekk fil-verità huwa baqa’ jagħmel ix-xogħol ta’ uffiċjal tal-komunikazzjoni.
Meta fl-2004 Lawrence Gonzi sar Prim Ministru, Alan Camilleri ċċaqlaq miegħu lejn Kastilja. Huwa kien offrut kuntratt ġdid tax-xogħol kif suppost fi skala 6 bħala l-kelliem tal-Prim Ministru. Madankollu Illum huwa informat li fuq ordni mis-Segretarjat tal-Prim Ministru, Camilleri fil-verità qatt ma sarlu kuntratt mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi skala 6. Illum huwa mgħarraf ukoll li saħansitra kien anki tħejja kuntratt li kien jonqsu biss il-firem, iżda dan baqa’ qatt ma kien iffirmat. Minflok huwa żamm il-kuntratt li kellu mal-Ministeru tal-Politika ta’ Information Management Officer fi skala 4. Biex b’hekk fis-sentejn li għamel bħala l-kelliem ta’ Lawrence Gonzi, Alan Camilleri tħallas aktar minn €48,000, meta suppost tħallas €38,000. Illum huwa informat ukoll li kienu saru anki arranġamenti biex is-salarju t’Alan Camilleri jibqa’ joħroġ mill-Ministeru tal-Politika Soċjali iżda jiġi rifuż lura mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Alan Camilleri tħallas mas-€87,500 għall-bidla għall-Ewro
Lawrence Gonzi kien anki għażel lil Alan Camilleri biex jieħu ħsieb il-proċess tal-adozzjoni tal-ewro qabel l-2008. Bħala Direttur Eżekuttiv tal-Kumitat għall-bidla għall-Ewro, Alan Camilleri tħallas mas-€87,500 f’salarji u perkaċċi, u dan eskluż l-użu b’xejn tal-mobile għal sentejn sħaħ. U fl-istess ħin li kien Direttur Eżekuttiv, għal ħames xhur sħaħ, Camilleri tħallas ukoll bħala konsulent tal-istess Kumitat li tiegħu kien Direttur Eżekuttiv. Bħala konsulent Camilleri tħallas mal-€115 kuljum. Fis-sentejn u erba’ xhur li dam imexxi u jagħti konsulenza dwar l-ewro Alan Camilleri tħallas iktar minn €104,650.
Immedjatament wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 Camilleri mbagħad inħatar ċermen tal-Malta Enterprise biex ftit xhur wara sar ċermen Eżekuttiv, kariga li baqa’ jokkupa sa Mejju tal-2012. L-ispiża li għamlet il-Malta Enterprise fuq Alan Camilleri f’salarji, safar u ikliet fuq medda ta’ erba’ snin laħqet kważi l-€400,000.
Bħala salarju mill-Malta Enterprise huwa rċieva aktar minn €210,000. Camilleri kien isiefer fuq bażi regolari ħafna tant li f’erba’ snin żar 41 pajjiż differenti, bl-ispejjeż ilaħħqu l-€163,000. U dan meta fl-aħħar ġimgħat sar magħruf li l-Malta Enterprise s-sena li għaddiet biss irnexxilha tattira investiment dirett barrani lejn Malta, tliet darbiet iktar minn kemm kien attirat b’kollox bejn l-2010 u l-2012 fi żmien li kien imexxi Camilleri.
Fuq ikliet f’ristoranti lokali, bħala ċermen tal-Malta Enterprise Alan Camilleri nefaq iktar minn €3,000. Fl-aħħar ġimagħtejn li għamel il-Malta Enterprise huwa nefaq aktar minn €600 f’ikliet. Fil-Malta Enterprise Alan Camilleri kien igawdi wkoll minn użu b’xejn ta’ mobile u linja fissa, internet, karozza uffiċjali, assigurazzjoni internazzjonali fuq is-saħħa u ħlas għal spejjeż oħra li kien ikollu meta jsiefer fuq xogħol.
Ħu Alan Camilleri, Ivan, eks ġurnalist tal-PBS magħruf għall-appoġġ qawwi ħafna li jagħti lill-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar ġimgħat bħala ġurnalist ta’ The Times kiteb sensiela t’artikli biex jattakka lill-gvern Laburista dwar in-nuqqas ta’ meritokrazija u dwar il-ħlasijiet li qed jieħdu l-membri parlamentari Laburisti.