
Ħidma bla heda għall-anzjanità protetta u attiva
minn Staff Reporter
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-abbuż fuq l-anzjani, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, ħabbret il-proposta dwar kapitlu 9 tal-Kodiċi kriminali li tipproteġi l-persuni li jbatu minn problemi ta’ saħħa, fiżika u mentali.
F’Palazzo Ferreria lbieraħ filgħodu, Caruana qalet li dan l-abbozz ta’ liġi se jkun preżentat għada, it-Tnejn fil-Parlament.
Dan l-abbozz jiffoka mhux biss fuq il-ħolqien ta’ kuxjenza dwar l-abbuż fuq l-anzjani tagħna iżda d-drittijiet li għandhom l-anzjani nfushom. Is-Segretarju Parlamentari għamlitha ċara li l-ulied huma obbligati bil-liġi li jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom la darba jaqbżu ċertu età. Qalet li s-soluzzjoni m’għandhiex tkun li titfa’ lill-ġenituri tiegħek f’xi dar tal-anzjani u tfarfar mir-responsabbiltà.
Caruana saħqet li l-abbuż ma jseħħx biss fid-dar tal-anzjan imma anke fid-djar pubbliċi u privati fejn jirtiraw l-anzjani tagħna.
Fil-kelmtejn li qalet fil-bidu tal-konferenza stampa semmiet l-introduzzjoni ta’ atti li se jiġu meqjusa bħala reati. Fosthom, l-abbandun tal-anzjani, b’mod speċjali minn familjari tagħhom. Hi qalet li fl-abbozz tal-liġi se jservi ta’ introduzzjoni għall-pieni ħorox fuq min jiddiżrispetta lill-anzjani. Dawn il-pieni jiħraxu skont il-każ u hemm tliet livelli ta’ pieni.
Caruana ddeskriviet lil numru ċkejken ta’ anzjani li kien hemm preżenti x’jinvolvu l-abbużi; dawk fiżiċi, psikoloġiċi, finanzjarji u anke emozzjonali.
Semmiet l-importanza tal-libertà tal-anzjani fis-soċjetà tagħna fejn qalet li dawn għandhom jitħallew jiltaqgħu ma’ wliedhom u mal-familjari tagħhom. Qalet ukoll li huwa dritt tagħhom li jitħallew jitħalltu mal-kumplament tas-soċjetà u mhux jinqaflu ġewwa.
L-abbozz jgħid ukoll li anzjani li jiġu misruqa finanzjarjament minħabba prokura mhux se jkollhom għalfejn joqogħdu jiftħu kawża l-qorti u bil-għajnuna tal-Pulizija dawn se jkunu jistgħu jerġgħu jiksbu flushom lura.
Caruana semmiet ukoll ir-regolazzjoni ta’ prokuri u testmenti u anke l-introduzzjoni tal-Adult Protection Act, li tkopri kull persuna ’l fuq minn 18-il sena, iżda b’mod speċjali lill-anzjani u lill-vulnerabbli.
Caruana għalqet id-diskors tagħha billi għamlet appell sabiex niftħu għajnejna għal kull abbuż li jkun qed iseħħ madwarna, “ma nistgħux nagħmlu dan waħedna, iżda rridu l-għajnuna tal-poplu Malti biex jirrapporta kull għajn ħażina li jara madwaru.”
