Wara l-Arriva: titjib mingħajr mirakli
Il-Gvern ma riedx jirriskja li l-Arriva tiġi likwidata u l-pajjiż jispiċċa bla trasport pubbliku mil-lum għal għada
More in Politika
Il-Gvern ma riedx jirriskja li l-Arriva tiġi likwidata u l-pajjiż jispiċċa bla trasport pubbliku mil-lum għal għada
It-tluq tal-Arriva minn pajjiżna f’dawn il-jiem m’għandux iħalli impatt negattiv fuq is-servizz attwali, kelliema għall-Ministeru tat-Trasport qalet mal-ILLUM. Ir-rotot eżistenti u l-frekwenza tagħhom se jibqgħu fis-seħħ sakemm ma jidħol l-operatur il-ġdid, meta mistenni jkun hemm titjib fuq dak li ried il-pubbliku wara l-proċess ta’ konsultazzjoni li sar fl-aħħar xhur.
Il-konsultazzjoni kienet tinkludi laqgħat mal-kunsilli lokali, proposti mill-pubbliku u dawk involuti fis-settur. Madankollu dan it-titjib ma kienx intlaqa’ mill-Arriva u jista’ jitqies bħala wieħed mill-kaġuni li taw bidu biex l-Arriva titlaq minn pajjiżna.
Fi stqarrija, il-gvern sostna li apparti li l-pubbliku ma kienx qed ikun moqdi, ma riedx ir-riskju li l-kumpanija Arriva tiġi likwidata u l-pajjiż jispiċċa mingħajr servizz ta’ trasport pubbliku mil-lum għal għada.
F’kummenti lil din il-gazzetta, il-Kelliema għall-Gvern qalet li r-rotot il-ġodda se jkunu ppubblikati fis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess li mistennija toħroġ fil-ġranet li ġejjin.
Il-ħsieb tal-gvern hu li kif xi kumpanija lokali jew barranija tirrispondi għall-espressjoni għall-interess, jinfetaħ proċess trasparenti biex tintgħażel il-kumpanija l-ġdida li se topera s-servizz. “Il-Gvern mhux qed iwiegħed mirakli, iżda se jimpenja ruħu bl-aħjar mod possibbli biex jiżgura li pajjiżna jkollu servizz effiċjenti, li jasal fil-ħin u li jaffordjah kulħadd.”
U x’se jiġri mill-mijiet ta’ vetturi li l-Arriva xtrat għal Malta?
Il-Kelliema kkonfermat li dawn għaddew f’idejn il-gvern għal dan il-perjodu tranżitorju peress li huma fost l-uniċi assi li għandha l-kumpanija Arriva.
“Sussegwentament dawn se jgħaddu għand il-kumpanija l-ġdida meta din tintgħażel.”
Madankollu, il-kelliema ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti timeframes ta’ meta l-operatur il-ġdid mistenni jibda, anke minħabba li dan jidher li jiddependi fuq l-andament tal-espressjoni tal-interess.
Skont il-Ministru Mizzi, diġà hemm interess minn xi kumpaniji kemm lokali kif ukoll barranin. Hu qal dan waqt intervista li kellu fuq l-istazzjon nazzjonali dakinhar li ġie ffirmat il-ftehim bejn Transport Malta u l-Arriva biex dawn tal-aħħar jitilqu.
X’ser jiġri issa?