Nofs id-deputati tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li fil-leġislatura ta’ bejn l-2008 u l-2013 ma kinux membri tal-Kabinett, tħallsu bejniethom maż-€2 miljun fuq il-medda ta’ dawn il-ħames snin.
Fl-aħħar leġislatura, tmien backbenchers Nazzjonalisti kienu nħatru bħala Assistenti Parlamentari wara li kien beda jidher ċar li kien hemm skuntentizza bit-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi. Kull wieħed mill-Assistenti Parlamentari ngħata b’kollox €127,000. It-tmien backbenchers Nazzjonalisti li kienu nħatru bħala Assistenti Parlamentari kienu Beppe Fenech Adami, illum Viċi Kap tal-PN, David Agius, Robert Arrigo, Stephen Spiteri, Franco Debono, Frederick Azzopardi, Philip Mifsud u Charlo Bonnici. Bejniethom dawn ħadu €1 miljun fuq medda ta’ 5 snin.
Tmien backbenchers oħra kienu nħatru bħala ċermen jew ta’ xi Kumitat Parlamentari jew ta’ xi awtorità pubblika. Minn dawn il-backbenchers jispikkaw Francis Zammit Dimech, li llum huwa kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Edwin Vassallo u Ċensu Galea. Bejn l-2008 u l-2012, Zammit Dimech kien l-ewwel ċermen tal-Kumitat li jistudja l-abbozzi tal-liġijiet, fejn ingħata €43,000 waqt li iktar tard inħatar ċermen tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej minn fejn ingħata €76,000 oħra. B’kollox jiġifieri Zammit Dimech tħallas €120,000 fl-aħħar leġislatura.
Edwin Vassallo minn naħa tiegħu kien ċermen tal-kumitat għall-Affarijiet Soċjali għal ħames snin sħaħ, minn fejn ingħata €110,000. Minn naħa l-oħra Ċensu Galea bejn l-2008 u l-2012, kien qed jieħu mingħand il-gvern salarju bħala membru parlamentari, salarji bħala deputat speaker u salarju bħala ċermen tal-kunsill tal-industrija tal-bini. Bħala membru parlamentari Galea tħallas €35,500. Bħala Deputat Speaker tħallas €76,800. Bħala ċerman tal-kunsill tal-industrija tal-bini tħallas €76,000 oħra. Biex b’kollox f’ħames snin dan il-backbencher Nazzjonalista tħallas €188,300.
Kien hemm ukoll il-backbenchers Jean Pierre Farrugia, Frans Agius, Jesmond Mugliett u Jeffrey Pullicino Orlando li bejniethom bejn l-2008 u l-2013 fi ħlas ta’ onorarji bħala membri parlamentari u ħlasijiet oħra bħala ċermen jew ta’ xi Kumitat Parlamentari jew ta’ xi awtorità pubblika tħallsu mal-€430,000. Il-Perit Joe Falzon, backbencher ieħor Nazzjonalista, tħallas €17,500 oħra bħala r-rappreżentant tal-Prim Ministru fuq il-MEPA. Fil-maġġoranza assoluta tagħhom dawn il-backbenchers Nazzjonalisti kienu jirċievu wkoll €6,000 oħra fis-sena għat-telefon u l-mobile.
Ma’ dawn iż-€2 miljuni mħallsa lill-backbenchers Nazzjonalisti, iridu jiżdiedu €1.3 miljun oħra bħala żieda li l-membri tal-aħħar Kabinett Nazzjonalista taw lilhom infushom bejn l-2008 u l-2012. Kien hemm ukoll il-każ ta’ Richard Cachia Caruana li biex irtira minn Ambaxxatur wara li ġie sfiduċjat mill-Parlament, skont il-kuntratt li kellu tħallas terminal benefit ta’ €167,000, tliet xhur global emoluments ta’ €36,500 u €35,000 oħra għal-leave kollu li ma kienx ħa. Fl-istess ħin għal sentejn tħallas allowance ta’ €5,900 oħra fix-xahar. Permezz ta’ dan il-kuntratt Cachia Caruana se jkun ingħata b’kollox €380,000 fuq deċiżjoni li kien ħa l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.