Din il-ġimgħa ħareġ mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Kummisjoni Ewropea, il-Eurostat, il-figura uffiċjali tal-inflazzjoni għal Malta għax-xahar ta’ April 2014. Din tindika li r-rata ta’ inflazzjoni f’Malta naqset għal 0.5% biss.
Xahar qabel ir-rata ta’ inflazzjoni kienet 1.4%. Dan it-tnaqqis fl-inflazzjoni kien ikkawżat direttament mill-miżura tal-Gvern li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.
Fil-fatt informazzjoni mogħtija fi stqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tindika li t-tnaqqis fil-prezzijiet tad-dawl u tal-ilma waslu biex l-indiċi tal-prezzijiet f’Malta jonqos b’ 0.7%.
Din hija konferma jekk hux veru li l-kontijiet raħsu. Il-figuri maħruġin illum huma verifikati kemm mill-aġenzija internazzjonali Eurostat kif ukoll mill-bord tar-Retail Price Index, li fih membri indipendenti mill-Gvern u appuntati mill-Korpi Kostitwiti. Dawn jindikaw li l-miżura tal-Gvern waslet għal tnaqqis sostanzjali fl-għoli tal-ħajja. Mingħajr din il-miżura r-rata tal-inflazzjoni f’April 2014 kienet tkun ta’ 1.2% u mhux ta’ 0.5%. B’din il-miżura l-Gvern naqqas bin-nofs l-inflazzjoni fil-pajjiż.
Ta’ min ifakkar li r-rata medja tal-inflazzjoni taħt Gvernijiet preċedenti kienet ta’ 2.5% u li diġà allura l-pizijiet għall-familji Maltin u Ghawdxin bdew jonqsu mindu daħlet amministrazzjoni ġdida. Dan it-tnaqqis fl-inflazzjoni se jagħmel differenza kbira għall-familji Maltin u Għawdxin. Fejn fi snin preċedenti l-paga kienet togħla b’anqas mill-għoli tal-ħajja, fis-snin li ġejjin tbassir tal-Unjoni Ewropea jindika li l-ħaddiema se jibdew ikollhom aktar flus fil-but wara li tikkunsidra kemm ikunu żdiedu l-prezzijiet. Dan se jwassal għal aktar infiq u għal aktar tkabbir ekonomiku. Il-miżura tal-Gvern se tgħin ukoll biex ikun hemm titjib fil-kompettitività tal-pajjiż billi tnaqqas il-bzonn ta’ żidiet kbar fil-pagi biex jagħmlu tajjeb għal rata ta’ inflazzjoni f’Malta li tkun akbar minn dik fl-Ewropa.
Fil-fatt taħt Gvern Laburista, kontra dak li kien jiġri qabel, l-inflazzjoni f’Malta hija anqas minn dik fl-Ewropa. Dan qiegħed jgħin biex jixpruna t-tkabbir ekonomiku, tant li fl-2013 kellna tkabbir ekonomiku erba’ darbiet dak tas-sena ta’ qabel u żieda fl-impjiegi full-time d-doppju minn dik ta’ snin oħra.