“F’sena nħolqu 200 impjieg f’Għawdex”

“Raġuni valida għala wieħed għandu jivvota hi Simon Busuttil” – Joseph Muscat
“Raġuni valida għala wieħed għandu jivvota hi Simon Busuttil” – Joseph Muscat

Waqt li kien qed jindirizza attività politika fis-Sannat Għawdex, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li min ma jmurx jivvota nhar is-Sibt 24 ta’ Mejju jkun qed jagħti palata lil Simon Busuttil. Hu insista li jekk ikun mitlub jagħti raġuni valida għaliex wieħed għandu jmur jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt, hu jwieġbu biss - Simon Busuttil.
Il-Prim Ministru fakkar lill-Għawdxin li meta fil-kampanja elettorali ta’ sena ilu kien jinsisti li l-Għawdxin se jiktbu l-istorja mal-partit Laburista, kien hemm min kien jiddubitah. Ir-riżultat li nkiseb f’Għawdex sena ilu tah ir-raġun u insista li s-Sibt li ġej hemm bżonn li jerġa’ jsir l-istess.
Muscat insista li hemm bżonn li l-gvern jikseb il-maġġoranza sabiex jerġa’ jikteb l-istorja ta’ dan il-pajjiż billi jkun l-ewwel gvern li jikseb maġġoranza fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Skont il-Prim Ministru l-messaġġ qed jasal. Fakkar lill-Ghawdxin li kieku s-sena li għaddiet baqa’ fil-poter il-partit Nazzjonalista kieku bħalissa qed jirċievu kontijiet tad-dawl u l-ilma 30% ogħla. Minflok, insista l-Prim Ministru, l-poplu se jagħmel ħames snin jirċievi l-kontijiet bl-irħis. Kieku bħalissa ma kienx ikun hawn ċentri għat-tfal b’xejn, income tax imraħsa, ma kinitx tingħata lura l-VAT fuq il-karozzi u min xtara l-ewwel proprjetà ma kienx jiffranka €5,000 qal il-Prim Ministru qalb iċ-ċapċip.
Muscat żied jgħid li f’Għawdex beda joħloq l-impjiegi fejn f’sena nħolqu 200 impjieg li mija minnhom inħolqu f’kumpanija barranija. Qal ukoll li l-gvern Laburista ħadem biex fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ikun hemm kimoterapija filwaqt li jirikonoxxi li baqa’ ħafna x’jaħdem u jifhem il-problemi tan-nies.
Il-Prim Ministru qal li għad hawn min jaħseb li Għawdex għandu jibqa’ ankrat fil-passat iżda l-Għawdxin qed iħossu d-differenza li qed jagħmel dan il-gvern. Fiż-żmien li ġej il-gvern se jwettaq il-wegħdi tiegħu dwar Għawdex li jagħmel cruise passenger terminal u yacht marina li jimpjegaw mijiet t’Għawdxin.
Muscat temm id-diskors tiegħu billi qal li min jastjeni mill-vot se jgħin lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u għalhekk kulħadd għandu joħroġ jivvota biex jgħin lill-gvern ikompli jwettaq ħidmietu.

 

More in Politika