
Il-UĦM toġġezzjona
More in Politika
It-Taqsima Servizz Pubbliku tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), ilbieraħ kellha laqgħa dwar il-mod ta’ kif se jiġu integrati l-Uffiċjali Pubbliċi fi ħdan l-aġenzija Identity Malta.
Il-UĦM tinnota li tali proċess mhux se jsir kif rikjest mil-liġi permezz ta’ proċess ta’ detailing mill-ħaddiema eżistenti li qegħdin fid-Dipartimenti li ser jiġu integrati f’din l-aġenzija. Il-UĦM fakkret li uffiċjali pubbliċi li ma jiġux detailed għandhom kull dritt li ma jiħdux ordnijiet mingħand persuni fl-amministrazzjoni li mhumiex uffiċjali pubbliċi. Intant fl-istess laqgħa l-amministrazzjoni infurmat lill-unions li l-proċess se jsir billi jinħarġu espressjoni ta’ interess miftuħa għall-Uffiċjali Pubbliċi kollha. Il-UĦM saħqet li dan mhux aċċettabbli għax hu inġust mal-ħaddiema preżenti li jixtiequ jkomplu karriera fi ħdan l-aġenzija. Il-UĦM proponiet ukoll sabiex dawk l-Uffiċjali Pubbliċi li akkost ta’ kollox ma jridux imorru mal-aġenzija għandu jintlaħaq qbil dwar kemm għandu jkun il-perjodu li fih jingħataw ir-rilaxx u f’liema perjodu l-union lesta taċċetta li jingħata l-handing over la darba jkun magħruf meta se jiġu rilaxxati minn mal-aġenzija.
Fl-għeluq ta’ din il-laqgħa ntlaħaq qbil li ssir laqgħa oħra fejn ikunu involuti l-PAHRO u l-PACBU bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha qabel jitkompla l-proċess. Fil-fatt tali proċess se jibqa’ miżmum sakemm ikun hemm aktar negozjati.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney, numru ta’ amministraturi ta’ Identity Malta, l-GWU u l-UĦM. Id-delegazzjoni tal-UĦM kienet komposta minn Mario Sacco, Senior Secretary, flimkien ma’ tliet rappreżentanti tal-ħaddiema.