Kienet sorpriża kbira għal Prim Ministru Joseph Muscat, meta sar jaf bil-każ tal-appell tal-Imħallef Michael Mallia. Imħallef li meta kien fil-qorti t’isfel bħala maġistrat kien magħruf għas-sentenzi iebsin ta’ libelli fil-konfront ta’ min kien Laburist. Imma l-appell mill-Avukat Ġenerali Peter Grech li sar f’Lulju ta’ 2013 ma kienx previst jew magħruf lill-uffiċċju tal-Prim Ministru. Tant kienet sorpriża li l-Prim Ministru ħadha kważi personali li ma kienx infurmat.
Lil dawk l-iktar viċin il-Prim Ministru qalilhom “Issa forsi Simon Busuttil jgħajjarni li qed nikkontrolla l-istituzzjonijiet!”
II-Prim Ministru mill-ewwel ħareġ fuq l-attakk u minflok ma għamel bħal ma kien jagħmel Lawrence Gonzi u jarmi dak li jkun, għażel li jagħmel bħal Fenech Adami u jiddefendi lil nies tiegħu. Iżda kienet ċara mill-bidu li Engerer ma kellu l-ebda triq ħlief jirriżenja.
Engerer li kien Nazzjonalist akkanit u magħruf kien ikkunsidrat bħala l-moħħ wara l-introduzzjoni tal-unjoni ċivili u d-dritt tal-adozzjoni ta’ tfal. Ironikament, dan l-episodju kollu seta’ ġie pospost jew evitat kieku l-Avukat ta’ Cyrus Engerer, Franco Debono talab differiment tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell.
Kien għażel li jitlaq mill-Partit Nazzjonalista meta kien deputat sindku ta’ tas-Sliema meta kien diġà akkużat mill-pulizija wara rapport mill-eks għarus tiegħu li kien xerred ritratti personali tiegħu fuq l-internet. Dakinhar hekk kif telaq mill-PN, missier Cyrus Engerer ġie akkużat b’pussess ta’ droga. Koinċidenza li kienet attirat il-mezzi tax-xandir ta’ dakinhar.
Sondaġġ li qed jiġi ppubblikat illum fil-gazzetta MaltaToday juri li d-distakk bejn il-Labour u l-PN naqas 8 punti minn tal-ġimgħa l-oħra. Iżda dan is-sondaġġ sar eżatt qabel il-każ ta’ Cyrus Engerer. U hu maħsub li bil-każ ta’ Cyrus Engerer, ħafna Laburisti hard core li kienu għażlu li ma jivvutawx issa hemm ċans li joħorġu jivvutaw. U li dan l-avveniment jista’ jsaħħaħ mhux idgħajjef lil Labour.
Hemm rabja kbira fil-kwartieri tal-Partit Laburista għal mod leġġer kif jiġu konklużi l-investigazzjonijiet.
“Jiena, ma nistenniex li l-Gvern jindaħal imma ma jistax ikun li dan il-kummissarju tal-pulizija ma jagħmel xejn biex jikkonkludi investigazzjonijiet li ilhom miftuħin. Insemmi fost oħrajn il-każ ta’ eks ċermen tal-EneMalta. Alla jbierek, kulħadd jgħajjarna li nikkontrollaw kollox meta infatti kulħadd rieqed u ma jagħmel xejn,” qalilna uffiċċjal għoli mill-Mile End li ma riedx jissemma b’ismu.