Casa u Attard Montalto l-inqas li vvutaw

David Casa u John Attard Montalto huma l-inqas MEPs li vvutaw fil-Parlament Ewropew matul din il-leġislatura. 

Casa vvota biss f’61% tal-voti filwaqt li Attard Montalto, li għal żmien twil issa ilu li għeb mix-xena politika Maltija, ipparteċipa fi 58% tal-voti. 

Statistika maħruġa mill-MEPrankings.eu turi kif l-MEP Nazzjonalista David Casa għandu l-inqas rata ta’ preżenza meta kkumparata mal-MEPs l-oħra li se jerġgħu jikkontestaw l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. 

Fil-fatt, Roberta Metsola kienet preżenti f’95% tal-voti, Joseph Cuschieri 89%, filwaqt li Marlene Mizzi kienet preżenti għal 87% (li titla’ għal 100% minħabba li f’dawk il-voti kienet qed tirrappreżenta lill-Parlament Ewropew f’pajjiżi oħra.)

L-istess statistika tidħol ukoll fid-dettall dwar kemm l-MEPs kienu attivi billi jinkludu attivitajiet bħan-numru ta’ diskorsi, mistoqsijiet parlamentari, rapport u opinjonijiet fost l-oħrajn. 

Casa kellu medja ta’ 124 attività fis-sena, filwaqt Roberta Metsola u Marlene Mizzi, li t-tnejn servew għal sena, kellhom medja ħafna aktar ogħla b’madwar 450 attività. Joseph Cuschieri, li serva għal madwar sentejn u nofs, kellu medja ta’ 30 intervent fis-sena.

Minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika mħejji mill-MaltaToday juri li Alfred Sant u Roberta Metsola baqgħu l-aktar kandidati li jgawdu l-popolarità fil-kampijiet rispettivi tagħhom. 

More in Politika