Tliet ġimgħat mill-kampanja elettorali

Wara tliet ġimgħat mill-ftuħ tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ILLUM tkellem ma’ numru ta’ nies minn oqsma differenti tal-ħajja dwar l-andament tal-kampanja elettorali s’issa. Fost l-aktar kumment komuni hemm il-fatt li għal ħafna minn dawk intervistati, jħossu li l-kampanja iffukat aktar fuq politika lokali milli politika Ewropea. Kummenti oħra kienu dwar in-nuqqas ta’ diskussjoni dwar temi bħall-immigrazzjoni illegali kif ukoll il-kandidatura tal-eks Mexxej Laburista Dr Alfred Sant. Dawn huma l-veduti u l-opinjonijiet tagħhom dwar dak li raw u semgħu s’issa. Tnejn minnhom xtaqu jibqgħu anonimi.

Maria Brincat, 39 sena, Għalliema u Omm

Maria Brincat
Maria Brincat

Jiena naħseb li ftit jew wisq, jiġri x’jiġri finalment bħala riżultat, l-affarijiet ħa jibqgħu l-istess. Jista’ jkun li forsi se jinbidlu l-uċuħ tal-Membri Parlamentari Ewropej li ser jirrappreżentaw lil Malta imma rrid ngħid li fl-opinjoni tiegħi, il-kampanja elettorali li qed nassistu għaliha preżentement hija waħda pjuttost intensiva żżejjed. Qisna qegħdin f’kampanja ta’ elezzjoni ġenerali. Naħseb li din ġejja miż-żewġ partiti.

Jeanpierre Camilleri, 29 sena, Negozjant

Jeanpierre Camilleri
Jeanpierre Camilleri

Qed insegwi mill-viċin id-dibattiti taż-żewġ naħat bħal ma nagħmel dejjem. Il- Partit Laburista nemmen li huwa aktar konkret mill-Partit Nazzjonalista għax qed iwassal messaġġ b’mod sempliċi u mitkellem b’lingwa li jifhimha kulħadd. Il-Partit Laburista jaf ukoll li għandu nies li huma mweġġgħin għax forsi l-problemi tagħhom waqgħu fuq widnejn torox. Naħseb dan hu l-fatt prinċipali għaliex qed nisimgħu daqshekk enfasi mill-Prim Ministru li kontinwament qed ifakkar lis-segwaċi tiegħu li ilu biss ftit aktar minn sena fil-gvern. Minn naħa tal-oppożizzjoni nħoss li l-messaġġ li qed nisimgħu hu mibni wisq fuq kritika. Qed nassistu għal kritika bla waqfien fuq l-operat tal-gvern bħal m’huwa l-bejgħ taċ-ċittadinanza, l-adozzjoni tat-tfal bħala parti mil-liġi tal-unjoni ċivili u t-tankijiet tal-gass fost ħafna affarijiet oħra. Nemmen li l-kritka dejjem hi tajba, tiġi minn fejn tiġi però jibqa’ l-fatt li n-nies jiddejqu jisimgħu l-istess kritika ripetutament. Fil-politika turi kemm int tajjeb mhux bil-kliem biss imma bir-riżultati.

Alan Formosa, 23 sena, Uffiċjal pubbliku

Alan Formosa
Alan Formosa

Matul dawn it-tliet ġimgħat li għaddew ikolli ngħid li nnotajt il-mod li bih qed tiżvolġi l-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-MEPs. L-andament huwa aktar simili għal dak ta’ kampanja elettorali ta’ xi elezzjoni ġenerali. Nistqarr li m’iniex sorpriż però wisq nemmen li n-nies iddejqu jisimgħu l-istess diski ta’ kuljum miż-żewg partiti. Meta wieħed iqis li din hi elezzjoni li minnha mhux ħa nelleġġu gvern lokali, nemmen li kien ikun aħjar li kieku ngħata iktar spazju għal kandidati prospettivi. Wara kollox, aħna rridu nivvutaw u ngħażlu l-aħjar sitta min-nies li fl-opinjoni tagħna huma kompetenti biżżejjed biex jirrappreżentaw lill-pajjiżna fl-ogħla istituzzjoni Ewropea. Għalhekk nemmen li kien ikun ferm aħjar li kieku ż-żewġ partiti ewlenin iffukaw aktar ħin fuq il-kandidati tagħhom milli biex jitfgħu t-tajn lil xulxin. Kif sejrin l-affarijiet, jien nipprevedi riżultat pożittiv għall-partiti ż-żgħar li mhux qed jibżgħu jitkellmu fuq kwistjonijiet Ewropej li lilna jolqtuna aktar mill-qrib. Dan kien ikun aktar ta’ interess li nisimgħu diskussjoni fuqu milli paroli fuq ħatriet ta’ nies fl-isfera politika lokali u li b’mod ġenerali nemmen li hawn ħafna nies li tilfu l-fiduċja fil-klassi politika.

Raymond Borg, 47 sena, Messaġġier

Raymond Borg
Raymond Borg

Jiena fil-fehma tiegħi nħoss li l-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew miexja sew b’mod ġenerali. Inħoss ukoll illi l-kandidati qegħdin jippreżentaw ruħhom tajjeb ħafna. Qegħdin ikunu viċin iċ-ċittadin u qed jgħaddu messaġġ ċar ta’ dak li qed joffru.

Ħaddiem anonimu, 46 sena

Ħaddiem anonimu
Ħaddiem anonimu

Fil-qosor inħoss li din il-kampanja elettorali hija estensjoni tal-elezzjoni ġenerali. Ma nistax nifhem l-iskop ta’ stress żejjed li qed jinħoloq. Ġaladarba jigu eletti l-membri tal-parlament Ewropew dawn għandhom ikunu persistenti, konsistenti, u insistenti fid-deċiżjonijiet tagħhom, fl-aħjar interess tal-poplu Malti, mingħajr ma jinħabbu ma’ l-ebda partit politiku.

Intraprenditur anonimu, 39 sena

Intreprenditur anonimu
Intreprenditur anonimu

Fl-opinjoni tiegħi ħadd miż-żewġ partiti mhu qed jagħmel kampanja li tista’ tagħtik l-għażla minħabba l-fatt illi kif naraha jien, dawn in-nies li ħa jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fl-UE jagħmlu hekk biss għall-interess personali tagħhom. Jista’ jkun li jien żbaljat però naħseb illi eżempju ċar ta’ dak li qed ngħid huwa Dr Alfred Sant. Bir-rispett kollu, kif jista’ jmur jirrappreżenta lill- pajjiżna f’istituzzjoni li hu ma qabilx magħha sa mill-bidu nett u li ħadem biex Malta ma tidħolx fiha? Sa fejn naf jien, Dr Sant dejjem qal illi l-UE ma tgħoddx għal Malta u allura nistaqsi, jekk l-UE ma tgħoddx għal Malta issa se tgħodd għalih personali? Naħseb li l-paga li għandhom l-MEPs hija paga li kulħadd jixtieq ikollu u għalhekk nemmen li l-unika interess li hemm huwa sempliċiment wieħed personali u finanzjarju. Nies bħal Francis Zammit Dimech hu eżempju ieħor ta’ persuna li qed jibqa’ jipprova jiggwadanja minn kull aspett finanzjarju possibbli. Għalhekk nemmen li ma fihomx x’tagħżel u naħseb li l-uniku persuna minnhom kollha inġenerali li ħareġ xi ħaġa bis-sugu, u li huwa ta’ interess nazzjonali, huwa Norman Lowell. Bniedem eċċentriku u forsi xi ftit jew wisq estremist però huwa l-uniku persuna li qed jindirizza tema li għada pitgħada tista’ tkun problema nazzjonali, l-immigrazzjoni illegali.

Stefan Orsini, 36 sena, Konsulent

Stefan Orsini
Stefan Orsini

Mindu bdiet il-kampanja elettorali ftit tax-xhur ilu, jien, familjari tiegħi u ħbieb, innutajna kemm il-kanditati tal-partiti l-kbar qed iżommu mistur jew mhumiex juru biċ-ċar il-futur ta’ pajjiżna relatat mal-immigrazzjoni illegali sfrenata li qed tagħmel tant impatt ħażin fuq kull settur. Anke l-aħbarijiet prinċipali ta’ kull stazzjon televiżiv lokali qed ikunu forma ċara ta’ propaganda falza. Inħoss li b’dan il-mod il-pajżani li huma beżgħana għal futur ta’ pajjiżna u wliedhom spiċċaw tilfu l-interess fil-partiti l-kbar. Nixtiequ nisimgħu soluzzjonijiet validi fuq l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna meħudha b’eżempji minn pajjiżi bħal l-Awstralja u New Zealand biex ikollna lkoll futur hieni. Irridu nisimgħu u naraw b’għajnejna soluzzjonijiet għal dak li diġà qed inbatu minnu u mhux stqarriji redikoli bħalma xbajna nisimgħu.

Ronald Barbara, 47 sena, Nursing Officer Oxfordshire UK

Ronald Barbara
Ronald Barbara

Naħseb li f’Malta l-kampanja qed issir bħal ma ssir f’pajjiżi oħra Ewropej. Dan hu dak li qed jiġri eżattament hawnhekk ġewwa l-Ingilterra. L-aktar ħaġa tajba f’Malta hi li qed nara ħafna interess minn kanditati żgħażagħ. Kandidati żgħar fl-età u anke kanditati nisa żgħażagħ. Din għalija se tirrefletti tajjeb favur l-għan ewlieni tal-Ewropa kollha, dik ta’ Ewropa żagħżugħa mimlija enerġija u ideat għal futur aħjar. Inħoss li għandna bżonn aktar żgħażagħ anke fuq il-listi elettorali fl-elezzjonijiet lokali. Nixtieq nara aktar żgħażagħ eletti minħabba l-opinjonijiet, il-parteċipazzjoni attiva u t-talenti tagħhom. Iż-żgħażagħ għandhom l-aħjar għarfien u ideat favur it-tiswir t’Ewropa aħjar u inklussiva lejn iċ-ċittadini Ewropej kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ età, sess, u/jew grupp soċjali/ċivili. Ħaġa li qed nisma’ matul din il-kampanja li hija kemxejn negattiva hi l-istess kantaliena politika. Kampanja kkaratterizzata minn dwell politiku bejn il-partiti ewlenin li tista’ tkun ta’ tfixkil għall-għażla tas-sitt MEPs Maltin. Importanti li niftakru li ġewwa Brussell, Malta kull m’għandha huma 6 siġġijiet u għalhekk minn jirrappreżenta lil Malta jrid jkun lest li jsemma’ leħnu għal poplu Malti kollu.

More in Politika