Għaxar snin ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea

Hermann Mallia - Direttur tal-Kumpanija Famalco
Hermann Mallia - Direttur tal-Kumpanija Famalco
Joe Tanti - Kap Ezekuttiv tal-Malta Business Bureau
Joe Tanti - Kap Ezekuttiv tal-Malta Business Bureau
Ron Mifsud - Direttur Manigerjali tal-Kumpanija Impressions
Ron Mifsud - Direttur Manigerjali tal-Kumpanija Impressions
Maria Bugeja - Direttrici tal-isptar privat Saint James
Maria Bugeja - Direttrici tal-isptar privat Saint James

Nhar il-Ħamis Malta ċċelebrat l-għaxar anniversarju mid-dħul ta’ pajjiżna bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Matul id-deċenju li għadda, rajna diversi żviluppi u tibdiliet fosthom, l-introduzzjoni tal-munita Ewro, il-ftuħ tal-fruntieri ta’ pajjiżna bħala parti miż-żona Schengen, it-tmiem ta’ restrizzjonijiet fuq ħaddiema barranin li jiġu jaħdmu f’Malta u tibdil ieħor. Kien hemm ukoll il-kriżi finanzjarja li faqqgħet fl-2008 u l-falliment finanzjarju totali ta’ pajjiżi bħal Greċja li spiċċat ingħatat għajnuna ta’ biljuni ta’ Ewro. 

ILLUM staqsa erba’ domandi lill-erba’ persunaġġi fil-qasam tan-negozju dwar l-għaxar snin li ilna membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma Hermann Mallia - Direttur tal-kumpanija Famalco, Maria Bugeja – Direttriċi tal-Isptar Saint James, Ron Mifsud – Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Impressions u Joe Tanti – Kap Eżekuttiv ta’ Malta Business Bureau.

M: Għadna kif iċċelebrajna 10 snin mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, kif tħares lura lejn id-deċenju li għadda?

Hermann Mallia: Mill-perspettiva ta’ negozju nemmen li issa għandna opportunitajiet indaqs daqs sħabna n-negozjanti Ewropej. Però, għalkemm għaddew 10 snin, għad hemm setturi fin-negozju li ma laħqux il-livelli Ewropej u dan minħabba prokrastinazzjoni żejda mil-lat amministrattiv.

Joe Tanti: Studju riċenti mill-MBB wera li l-maġġoranza tal-intrapriżi Maltin jiddeskrivu l-esperjenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħala waħda pożittiva. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar għaxar snin minn mindu saret membru, Malta rduppjat l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Id-dħul tal-Ewro wkoll ikkontribwixxa b’mod pożittiv lejn l-ekonomija lokali.

Maria Bugeja: Jiena nista’ nitkellem kemm bħala omm u kemm bħala persuna fin-negozju. Onestament nemmen li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien ta’ benefiċċju għalina lkoll minn kull aspett. Bħala omm ta’ tifla ta’ sitt snin illum inħossni kunfidenti li binti għandha quddiema għażla wiesgħa t’opportunitajiet. Dawn l-opportunitajiet qegħdin hemm kemm għaż-żgħażagħ u kemm għal persuni maturi u sta għalihom li jagħżlu dak li jridu. Għalkemm diġà kien hemm ċerta opportunitajiet qabel ma dħalna membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea, dawn żdiedu ferm bid-dħul tagħna bħala membri sħaħ. Il-moviment liberu għen biex żgħażagħ qed jimirħu barra minn xtutna u dan qed iwessa’ d-dimensjoni ta’ kultura u integrità soċjali kif ukoll diversi opportunitajiet oħra. Mil-lat ta’ negozju, l-Unjoni Ewropea llum toffrilna suq wiesa’ u mingħajr restrizzjonijiet. Jibqa’ l-fatt però li ċ-ċokon ta’ pajjiżna għandu l-isfidi tiegħu. Dan iċ-ċokon xorta ma żammx lura lill-intraprendituri Maltin milli japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex ikomplu jiżviluppaw il-proġetti tan-negozju tagħhom kemm f’Malta kif ukoll barra. Illum m’għadniex tikka fuq il-mappa tal-Ewropa u bħala ċittadina Ewropea nħoss li għamilna qabża ta’ kwalità pożittiva.

Ron Mifsud: Għalkemm qabel dħalna kellna ż-żewġ partiti politiċi kontra xulxin, wara r-riżultat tar-referedum kien kemm konsensus li d-deċiżjoni tal-poplu tiġi rrispettata u b’hekk sirna parti mill-Unjoni Ewropea. Il-fatt li llum, għaxar snin wara, għandna l-istess żewġ partiti jikkonfrontaw lil xulxin waqt l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bl-istess impenn ta’ elezzjoni lokali, minnu nnifsu juri l-importanza li sirna membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea. Illum li għaddew għaxar snin, tħares madwarek u tara b’għajnejk l-iżvilupp li qed isir b’għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Hemm ukoll it-tkabbir tan-negozji li żviluppaw u kibru permezz ta’ għajnuna li ħadu permezz ta’ diversi inċentivi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ drittijiet ċivili li saħħew id-drittijiet tagħna ċ-ċittadini.

M: X’seta’ sar aħjar?

Hermann Mallia: Jien minn dejjem kont favur suq ħieles, kemm għall-konsumatur kif ukoll għalina bħala negozjanti. Suq ħieles jgħinna biex nibqgħu attenti għal dak li qed jiġri madwarna. Nemmen ukoll li l-amministrazzjoni għandha terħi ċerta impożizzjonijiet fuq in-negozjanti filwaqt li żżomm l-irwol ta’ regolatur. Dan il-proċess jista’ jkun ferm ta’ benefiċċju għal konsumaturi filwaqt li għalina n-negozjanti jagħtina motivazzjoni biex inkunu aktar innovattivi fis-servizzi li noffru.

Joe Tanti: Fuq bażi lokali, naħseb li n-negozji Maltin mhux qegħdin jisfruttaw biżżejjed is-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hemm bżonn li nagħrfu iktar l-opportunitajiet li joffri s-suq komuni u nisfruttawhom mill-aħjar li nistgħu. L-MBB temmen li l-Gvern Malti għandu jżid l-allokazzjoni ta’ fondi Ewropej lejn is-settur privat fis-seba’ snin li ġejjin. Rappreżentanti tas-settur privat għandhom ukoll jingħataw l-ispazju sabiex jamministraw jew jimplementaw fondi Ewropej. Dan minħabba l-fatt li huma f’pożizzjoni ferm eqreb tan-negozji, u għaldaqstant jifhmu aħjar iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tagħhom. Minn naħa l-oħra l-istituzzjonijiet Ewropej jeħtieġ li jagħmlu l-parti tagħhom. Huwa importanti li dawn jaħdmu b’mod aktar effiċjenti sabiex l-miżuri għat-tisħiħ tal-ambjent ekonomiku jkunu aktar effettivi. Jekk verament rridu Ewropa b’saħħitha, hemm bżonn li niffokaw iktar fuq it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol, mingħajr ma nżidu l-piż burokratiku u regolatorju fuq in-negozji.

Maria Bugeja: Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea 10 snin ilu kienet sfida kbira għal pajjiżna u nemmen li lqajna din l-isfida tajjeb. Ridna nadattaw ruħna għal sistemi ġodda u livelli Ewropej fuq ħafna affarijiet.Ma kinitx faċli speċjalment meta tqis li s-servizz pubbliku jieħu ż-żmien tiegħu biex jirriforma. Id-dħul tal-munita Ewro wkoll kienet sfida kbira li però konna kapaċi nippreparaw ruħna għaliha. Nemmen li għalkemm ksibna esperjenza fejn jidħlu fondi tal-Unjoni Ewropea, mhux l-istess jista’ jingħad fejn jidħlu d-drittijiet tagħna bħala ċittadini membri. Ħafna għadhom iħarsu lejn l-Unjoni Ewropea bħala magna burokratika ġo Brussell li qiegħda hemm biss biex tilleġiżla. Il-livell għoli ta’ xettiċiżmu jeżisti minħabba nuqqas t’informazzjoni u għalhekk il-gvern għandu jiżgura li jkun hemm aktar għarfien dwar l-opportunitajiet li jeżistu għalina bħala membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.

Ron Mifsud: Bħala pajjiż, it-triq ma kinitx daqshekk faċli f’kollox u kellna niltaqgħu ma’ problemi t’immigrazzjoni illegali u reżistenza għal burden sharing. Fin-negozju hemm ukoll il-ħtieġa li nnaqsu l-burokrazija żejda u li nipprovdu għajnuna għall-industrija u għaqdiet non-governattivi sabiex jiksbu fondi fil-ħin qabel ma jintilfu.

M: Temmen li Malta hi meqjusa ugwali daqs il-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea?

Hermann Mallia: Żgur li le. Aħna għandna żvantaġġ minħabba li ninsabu iżolati mill-bqija tal-Ewropa u għalhekk, loġistikament, dan jgħolli l-ispejjeż tagħna biex inġorru l-merkanzija minn u lejn l-Ewropa. Hemm bżonn ta’ iktar għajnuna mill-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward sabiex ikollna aktar operaturi merkantili li jgħaqqdu lil Malta mal-bqija tal-Ewropa b’mod aktar mgħaġġel u kompetittiv.

Joe Tanti: Minkejja li teżisti differenza evidenti fin-numru ta’ voti allokati għal Malta u pajjiżi oħra minħabba ċ-ċokon tal-popolazzjoni tagħna, xorta nemmen li l-vuċi tar-rappreżentanti Maltin hija mismugħa u meqjusa fl-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa aktar importanti li wieħed jagħraf fejn u f’liema żmien opportun għandu jinfluwenza l-proċess legiżlattiv.

B’argumenti fattwali u konvinċenti, Malti kapaċi jħalli l-impatt u jikseb l-appoġġ meħtieġ daqs kwalunkwe Ewropew, irrispettivament minn liema pajjiż joriġina. Nawgura li r-rappreżentanti tagħna jagħrfu jagħmlu użu tar-riżorsi allokati lilhom b’mod effiċjenti sabiex jiksbu l-aħjar għal pajjiżna. 

Maria Bugeja: Iva u jekk, jew fejn, hemm xi nuqqas f’dan ir-rigward, dan hu kollu ħtija tagħna stess.

Ron Mifsud: Id-daqs ta’ Malta u l-fatt li għandna biss 6 membri parlamentari Ewropej jagħmel l-isforzi tagħna iktar diffiċli. L-unika mod kif nistgħu nagħmlu differenza hi billi nużaw ir-rieda politika biex nargumentaw u nikkonvinċu lill-pajjiżi oħra membri dwar l-importanza ta’ Malta u l-ħtiġijiet partikolari tagħna. Mhux ħaġa faċli meta jkollok biss sitt siġġijiet.

M: Kif taħseb li se tkompli tiżviluppa l-Ewropa fis-snin li ġejjin?

Hermann Mallia: F’dan il-perjodu, meta ninsabu lejliet l-elezzjoni tal-parlament Ewropew smajna, f’diversi okkażjonijiet, li l-poplu jħoss jew jemmen li Brussell qiegħda x’imkien imma li l-Maltin ma jieħdu xejn. Jien nemmen li l-Maltin iridu aktar parteċipazzjoni fl-Ewropa, iridu jaraw anqas burokrazjia u jixtiequ ferm aktar attenzjoni għal ħtiġijiet ta’ ċerta importanza għal pajjiżna. Irrid inżid li l-kriżi finanzjarja li faqqgħet fl-2008 urietna li l-Ewropa mhi xejn iktar minn istituzzjoni anzjana li m’għandha xejn x’toffri lill-ġenerazzjonijiet ġodda. Hemm bżonn ta’ bidla radikali fejn l-Ewropa għandha tindirizza setturi u oqsma importanti bħal ma hu l-qgħad, li f’ċerta paiijżi laħaq livelli għolja ħafna, minflok ma toqgħod tintilef f’politika interna ġol-kapitali Brussell.

Joe Tanti: Naħseb li l-Unjoni Ewropea ser tkompli tiżviluppa l-politika tagħha, partikolarment fil-qasam tal-enerġija rinovabbli. Fil-fatt, qed timmira li tilħaq il-produzzjoni ta’ 20% enerġija minn sorsi ta’ enerġija nadifa sas-sena 2020. L-Unjoni Ewropea wkoll tirrikonoxxi l-bżonn li jsir aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan hu kruċjali sabiex l-intrapriżi jkomplu jiżviluppaw u jikbru. Għaldaqstant nemmen li dawn iż-żewġ elementi ser ikunu fiċ-ċentru tal-politika Ewropea fl-isfond tal-Istrateġija 2020.

Maria Bugeja: It-tibdil ekonomiku hu xi ħaġa ħajja u kontinwu u għalhekk il-futur tal-Unjoni Ewropea jibqa’ dejjem vulnerabbli għal dak li jkun qed iseħħ fil-pajjiżi li jiffurmaw il-G7 kif ukoll fil-pajjiżi magħrufa bħala BRIC (Brażil, Russja, Indja u ċ-Ċina). L-Unjoni Ewropea trid tibqa’ attiva sabiex tiżgura l-paċi u solidarjetà kemm fir-reġjun Ewropew kif ukoll f’pajjiżi bħal ma huma l-Libja, s-Sirja u l-Ukraina li bħalissa għaddejjin minn problemi li jikkornċernawna lkoll.

Ron Mifsud: Diffiċli wieħed ibassar kif se tiżviluppa l-Ewropa fis-snin li ġejjin meta wieħed iqis li x-xenarju ekonomiku u soċjali dejjem qed jinbidel. Li hu żgur hu li hemm bżonn inkunu proattivi u li nżommu għajnejna miftuħa dwar dak kollu li qed jiġri fid-dinja fl-aħjar interess ta’ pajjiżna. L-opportunitajiet għalina ma jeżistux biss fl-Ewropa iżda jeżistu anke lil hinn.

More in Politika