Riċiklar tad-drenaġġ fi żmien sentejn
More in Politika
Fil-bidu tal-2016 Malta se jibda jkollha l-faċilità li tirriċikla l-ilma għall-ewwel darba. ILLUM hi infurmata li dan se jibda jsir permezz ta’ tliet impjanti ta’ raffinar tal-ilma li se jinbnew apposta.
L-impjanti se jkunu qed joperaw f’Ta’ Barkat limiti tax-Xgħajra, f’Ras il-Ħobż, limiti ta’ Għajnsielem, Għawdex, u l-Mellieħa fl-inħawi magħrufa bħala taċ-Ċumnija.
Kelliema għall-Ministeru tal-Enerġija qalet lil din il-gazzetta li l-proċess ta’ bini mistenni jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena u jkun lest fil-bidu tal-2016.
“L-impjanti kollha se jibdew joperaw fl-ewwel parti tal-2016. Il-ħsieb huwa li dan l-ilma jintuża għal skopijiet agrikoli, mill-industrija, għal-landscaping u rikreazzjoni,” qalet il-kelliema.
Fil-preżent, Malta tittratta biss id-drenaġġ qabel dan jintefa’ l-baħar biex l-impatt ambjentali jkun wieħed minimu. B’dawn l-impjanti, dan l-ilma jkun raffinat f’livell ieħor u eventwalment dan l-ilma jkun jista’ jerġa’ jintuża.
“Ta’ Għawdex se jkun qed ikopri ż-żona ta’ Għajnsielem, parti mix-Xewkija u l-belt Victoria, tal-Mellieħa l-pajp se jgħaddi mill-Qammieħ għal tat-Tomna, mill-Miżieb, il-Pwales, Mġarr u Binġemma, filwaqt li Ta’ Barkat se jmur l-impjant ta’ Sant’Antnin minn fejn jiġi mqassam bis-sistema eżistenti,” ssuktat tgħid il-kelliema.
Din il-gazzetta hi infurmata li filwaqt li l-ispiża tal-proġett tlaħħaq mad-€19-il miljun, il-Gvern Malti mistenni joħroġ biss €2.5 miljun, bil-bqija (€16.5 miljun) ikunu koperti minn fondi Ewropej.
L-użu ta’ dawn l-impjanti magħrufa bħala ‘polishing plants’ huma biss parti mill-pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-ilma tal-gvern Malti. Fil-fatt minbarra t-titjib fir-riżorsi eżistenti, il-pjan se jkun qed jara wkoll żieda fl-effiċjenza tal-użu tal-ilma f’kull settur kif ukoll l-iżvilupp ta’ riżorsi ġodda tal-ilma.
Hu fatt magħruf li l-immaniġġjar u l-użu sostenibbli ta’ dan ir-riżors dejjem kien kompromess minħabba numru ta’ problemi li jaffaċċja dan is-settur.
Fost l-oħrajn, l-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan ilu jaqbeż l-ammonti sostenibbli filwaqt li l-kwalità tal-ilma kienet qed tispiċċa tiġi mniġġsa minħabba n-nitrati u kimiċi oħra. Id-domanda qawwija għall-ilma minħabba nuqqas ta’ effiċjenza kienet tkompli tkabbar il-problema tal-użu sostenibbli tal-ilma.
F’dan il-kuntest il-bżonn tal-polishing plants ikompli jikber, għax dan l-ilma tat-tieni klassi jkun jista’ jtaffi mill-problema tad-domanda, b’mod partikolari mis-settur agrikolu.